Lokali

Ħaddiema tal-Gvern trasferiti għal ma’ ‘Identity Malta’

Numru kbir ta’ ħaddiema li sa ftit tax-xhur ilu kienu impjegati tal-Gvern mar-Reġistru Pubbliku, mal-Uffiċċju tal-Passaporti, mar-Reġistru tal-Artijiet, mal-Uffiċċju tal-Karti tal-Identita`u taċ-Ċittadinanza u li kienu ingħaqdu f’Dipartiment wieħed taħt l-Aġenzija Identity Malta, issa kienu infurmati permezz ta’ ittra li tneħħew minn mal-Gvern u kienu ‘detailed’ ma’ Identity Malta.

Meta s-sena li għaddiet il-ħaddiema kienu infurmati li d-dipartimenti tagħhom se jingħaqdu taħt Identity Malta, kienu qalulhom li meta jasal iż-żmien kienu se jkunu jistgħu jagħżlu jekk jibqgħux impjegati tal-Gvern jew inkella jingħaqdux mal-Aġenzija Identity Malta.

L-ittra li rcċevew il-ħaddiema tgħid li mit-3 ta’ Lulju huma ġew detailed mal-Aġenzija Identity Malta. Għalkemm il-ħaddiema qed jistaqsu lis-superjuri tagħhom għaliex huma ma tħallewx jagħżlu bejn jekk jibqgħux mal-Gvern jew jidħlux ma’ Identity Malta, il-ħaddiema mhux jingħataw risposta.

Il-ħaddiema għadhom lanqas ingħataw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom mal-Aġenzija Identity Malta.

Ħaddiema oħra li kienu bil-kuntratt bħalma huma Assistenti Diretturi, Diretturi u Direttur Ġenerali, il-kuntratt tagħhom kienet mitmum u issa l-iskala taċ-Ċivil reġgħet ġiet skont kif kienu qabel laħqu Diretturi etc. Dan wassal biex bħalissa m’hemmx Diretturi u lanqas Direttur Ġenerali.

Jidher li maż-żmien bdew jiddaħħlu xi ħaddiema minn tal-Aġenzija li allegatament uħud minn dawn il-ħaddiema huma qrib tal-familja ta’ Joe Vella Bonnici li l-Gvern Laburista ħatru Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta. Qed jingħad li dawn il-ħaddiema ingħataw paga aħjar minn ħaddiema oħra li ġew minn Dipartimenti oħra.

Dan kollu qed iwassal biex il-ħaddiema ikunu dimotivati u kuljum qed jibżgħu li s-sitwazzjoni tagħhom tkompli tmur għal agħar.