Il-Parlament Malti għandu b’mod urġenti jiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti fil-Libja li aktar ma jgħaddu siegħat aktar qed tiddeterjora.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-ġimgħa li għaddiet, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni fil-Parlament biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiġi diskussa. Dan għandu jsir b’mod urġenti. Madanakollu, minkejja li għaddew ħamest ijiem, il-Gvern għadu ma weġibx għal din it-talba.
Kemm il-mozzjoni kif ukoll l-appell li qed jerġa’ jsir illum, saru wara l-aħbarijiet xejn sbieħ li ħarġu mill-Libja, speċjalment wara li ġie żvelat li bosta persuni Maltin mhux qed isibu għajnuna mill-Ambaxxata Maltija f’dan il-pajjiż ġar tagħna.
Fi stqarrija l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tikkonkluda li qed tinsisti li d-dibattitu fil-Parlament isir b’mod urġenti, jekk hemm bżonn illum qabel għada, u ċertament qabel il-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf. F’dan id-dibattitu, il-Gvern għandu wkoll jagħti rendikont ta’ xi pjani għandu għall-possibilita’ ta’ evakwazzjoni tal-Maltin mill-Libja.
//= $special ?>