Lokali

Il-Komunita’ Musulmana f’Malta tiċċelebra l-Iftar mal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista hu partit sekulari li jirrispetta t-twemmin u jiggarantixxi l-liberta’ ta’ min jemmen u jixtieq jipprattika r-reliġjon tiegħu. Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil hekk kif it-Tnejn filgħaxija l-komunita’ Musulmana f’pajjiżna ċċelebrat l-Iftar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

L-iftar hi l-ikla ta’ filgħaxija fi tmiem ir-Ramadan fejn il-Musulmani jtemmi s-sawm tar-Randan. Hi tradizzjoni li l-Musulmani jinġabru flimkien u jgħidu l-aħħar talba qabel l-Iftar – għal dan il-għan il-Grupp dwar ir-Razza u r-Reliġjoni tal-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista pprepara post fejn l-irġiel u n-nisa jistgħu jsallu qabel l-ikla.

Waqt li ndirizza n-numru kbir ta’ Musulmani li laqgħu l-istedina tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil kompla li viżjoni tal-partit hi waħda ta’ soċjetà pluralista, sekulari, u libera fejn kulħadd igawdi d-dritt sħiħ li juri fehmtu u twemminu, hu liema hu, numeruż kemm hu numeruż. Dan bla ma ħadd inaqqas mil-libertà ta’ ħaddieħor li jagħmel l-istess u bla ma ħadd inaqqas mid-dritt tas-soċjetà li tieħu deċiżjonijiet demokratiċi mhux f’isem xi twemmin imma biex isseddaq il-ġid kollettiv.

Minn naħa tiegħu l-Imam Mohamed El Sadi rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista għal din l-attivita’ li ddesriviha bħala storika, turija ta’ partit miftuħ għall-ideja ġodda li laqa’ fi spirtu ta’ familjarita’ u mħabba lil din il-komunita’.

Hu rringrazzja wkoll lill-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li kien strumentali biex infetaħ ċimiterju għall-Musulmani f’pajjiżna, lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi tal-appoġġ li l-iskola Mariam al-Batool sabet mingħand l-amministrazzjoni tiegħu u lill-amministrazzjoni preżenti għall-appoġġ u s-sapport li l-komunita’ Musulmana qed issib.

El Sadi appella wkoll lill-Gvern Malti biex jieħu pożizzjoni kontra l-Iżrael għaliex qal li dan il-pajjiż qed jipprova jokkupa art tal-Palestina. Kompla li l-estremisti qed jagħmlu ħsara lir-reliġjon Musulmana u ma jirriflettux il-valuri ta’ din ir-reliġjon.

Anzi qal li l-Musulmani f’pajjiżna jridu jgħixu fil-paċi u l-imħabba filwaqt li jikkontribwixxu lejn din l-art li jħobbuha daqs il-Maltin.