Internazzjonali

L-ajruport ta’ Tripoli lura fil-mira

Il-battalja għall-kontroll ta’ Tripli matul il-ġurnata tal-Ħadd regġħet splodiet wara li jumejn ilu suppost kellu jibda jkun osservat waqfien mill-ġlied.

L-ajruport kien għal diversi ġranet fil-mira ta’ attakki minn militanti Islamiċi li jridu jieħdu l-kontroll tiegħu. Sorsi qalu li l-attakk tal-Ħadd kien l-aktar wieħed qawwi tul il-ġlied kollu ta’ dawn l-aħħar ġranet u hemm suspetti li l-waqfien mill-ġlied intuża biex il-ġellieda jorganizzaw ruħhom aħjar.

Kien hemm tal-anqas żewġ persuni li nqatlu meta rocket baqgħet dieħla fuq ir-residenza tagħhom li tinsab fl-inħawi tal-ajruport. Residenti li jgħixu madwar l-ajruport qalu li kien hemm sparar qalil matul il-ġuranta tal-Ħadd fl-ajruport.

L-ajruport jinsab ħerba sħiħa b’ajruplani jaqbdu fuq il-mitjar u uffiċjali Libjani qalu li kien se jkun hemm bżonn ix-xhur biex titranġa l-ħsara la darba jieqaf il-ġlied.