Lokali

L-uniformijiet tat-tfal fl-iskejjel tal-Gvern bi prezz għola

Minkejja l-wegħda li l-prezzijiet tal-uniformijiet tal-istudenti fl-iskejjel tal-Gvern se jkunu orħos, jirriżulta li dawn se jkunu ogħla.

Ġenituri li tkellmu ma’ maltarightnow.com qalu li mhux biss l-uniformijiet din is-sena se jkunu ogħla mis-sena li għaddiet iżda se jkunu ogħla wkoll mis-sena ta’ qabel.

Kalkulazzjonijiet li għamlu diversi ġenituri jwasslu għall-konklużjoni li l-uniformijiet din is-sena se jkunu madwar għaxar euros ogħla minn qabel.
Fl-aħħar ġimgħat il-ġenituri tat-tfal fl-iskejjel tal-gvern irċevew ittra mill-Ministru tal-Edukazzjoni li fiha intqal li l-uniformijiet se jkunu irħas u ta’ kwalita aħjar.

Il-kwistjoni dwar il-prezzijiet tal-uniformijiet tal-istudenti fl-iskejjel tal-Gvern kienet kontroversja ewlenija fis-snin li għaddew fejn il-Partit Laburista kien għamel kampanja sħiħa dwar il-prezzijiet tal-uniformijiet tal-istudenti.

Il-genituri li tkellmu ma’ maltarightnow.com qalu li ċirkolari mibgħuta mill-Ministru tal-Edukazzjoni għandha informazzjoni nieqsa fosthom li l-ġneituri ma jafux jekk fil-fatt l-uniformijiet għal din is-sena humiex se jinbidlu jew le.

Fil-każ li dawn se jinbidlu allura l-ġenituri se jkollhom spiża oħra x’jagħmlu fix-xiri tal-uniformijiet tat-tfal iż-żgħar.

Ilment ieħor li qed jagħmlu l-ġenituri li tkellmu ma’ maltarightnow.com hu dwar l-opportunita li kellhom qabel li jkunu huma li jagħmlu l-uniformijiet ta’ wliedhom.

Dwar dan jirriżulta wkoll li hemm inċertezza fost il-ġenituri li qabel kienu jieħdu din l-ghażla.

Il-ġenituri sostnew li din hi gimmick oħra tal-Gvern li qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-uniformijiet se jorħsu meta fil-ftat se jkun hemm żieda ta’ iktar minn 10 ewro fl-uniformijiet tal-kindergarten.