Lokali Qorti

Mixli b’pusses ta’ kokaina u kannabis

Akram Amar Swayah, Libjan ta’ 37 sena, ingħata l-liberta’ proviżorja wara li wieġeb mhux ħati li kien fil-pusses tad-droga kokaina li ma kienitx għal użu esklussiv tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll b’pusses ta’ kannabis.

Filwaqt li qal li s-sejba tad-droga kienet waħda minima u li l-akkuħat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija, l-Ispettur Herman Mula li kkopera mal-Pulizija oġġezzjona li l-Libjan jingħata l-liberta’ proviżorja, fejn argumenta li l-akkużat diġa kien instab ħati fuq każ simili dwar droga.

“L-akkużat ma rriformax ruħu ” , qal l-Ispettur Mula. Minn naħa tiegħu l-Avukat tal-għajnuna legali Alessandro Lia, qal lill-Qorti li l-Libjan m’ammettiex l-akkużi kollha miġjubin kontrih, u nsista għall-pleġġ fejn wiegħed li l-klijent tiegħu ma kienx se jipprova jikkontamina l-provi billi jipprova jinfluenza lix-xhieda.

L-Avukat Lia qal ukoll li ma hemmx biża li Swayah jaħrab minn Malta peress li l-familja tiegħu tinsab Malta. Il-Maġistrat Carol Peralta qal li huwa ħa nota li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, u li għandu tarbija ta’ tmien xhur u għalhekk kien se jilqa’ t-talba għal liberta’ proviżorja. Huwa nħeles fuq depożitu ta’ €250, u garanzija personali ta’ €4,000.