Lokali

Muscat għandu jieħu passi kontra ċ-Chairman tal-Gozo Channel – il-PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieħu passi kontra ċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina li mal-ġurnal The Times ammetta li ħeba mill-pulizija każ kriminali ta’ serq mill-kumpanija li jmexxi hu stess. Cordina talab lill-pulizija tinvestiga biss wara li l-każ kien ġie żvelat mis-sit Newsbook, minkejja li hu kien jaf b’dan il-każ fil-ġurnata li seħħ.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi.

Skont storja fil-faċċata ta’ quddiem tal-ġurnal The Times tal-llum, id-deċiżjoni li ma tissejjaħx il-pulizija fil-każ ta’ serq ta’ €4,000 mill-Gozo Channel, ittieħdet miċ-Chairman Joe Cordina. Ma’ The Times, Cordina nnifsu kkonferma dan, u qal li talab il-pulizija biex tinvestiga wara li saret taf bil-każ il-media, ġimagħtejn wara li seħħ il-każ. Huwa ċar illi kieku ma kenitx il-media li żvelat il-każ, kieku dan il-każ kien se jindifen u ma jiġi nvestigat qatt.

L-istqarrija tkompli tgħid li tant kemm dan il-każ huwa wieħed serju u gravi li fi ftit jiem, il-Pulizija ħarġet numru ta’ akkużi kriminali kontra l-impjegat dwar allegat serq ta’ €4,000.

Għal darb’oħra, l-poplu Malti qiegħed jistenna s-serjeta’ u l-kontabbilita’ mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li hu stess tant wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.