Lokali

Rabja għall-298 mewt fit-traġedja tat-titjira MH-17

Ejja nirrabjaw. Irridu nirrabjaw għat-twaqqigħ tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines fuq it-titjira MH-17 minn Amsterdam għal Kuala Lumpur nhar il-Ħamis. Għax fil-gżira ċkejkna tagħna li hi Malta, rari nagħtu kas kif xieraq ta’ dak li jiġri barra.

L-ajruplan jinqasam u n-nies jaqgħu minn ġo fih
298 ruħ li l-ajruplan tagħhom jisplodi fl-ajru fuq il-Lvant tal-Ukrajna. L-ajruplan jinqasam fit-titjira u biċċa mill-mejtin fil-fatt inbeżqu minn ġo fih u waqgħu dritt mill-ajru u minn dak l-għoli kollu għal ġol-għelieqi f’zona wiesgħa mad-disa’ mili.

298 traġedja personali
298 traġedja personali. Familja sħiħa Olandiża. Studenti sejrin l-Awstralja jistudjaw jew jieħdu esperjenza ta’ xogħol. Supporters tal-futbol biex jaraw lit-tim tagħhom jilgħab barra. Ħafna vjaġġaturi fuq il-vaganzi tas-sajf. Koppji. Tliet trabi. Delegati għal konferenza dinjija dwar l-AIDS li se ssir dalwaqt f’Melbourne.

Ritratti u messaġġi tal-qsim il-qalb
Ir-ritratti tal-mejtin li nstabu s’issa – ħafna għadhom le – huma tal-qsim il-qalb. Uħud huma biss biċċiet ta’ iġsma. Hemm ir-ritratti ta’ dak li waqa’ mill-ajru – il-passaporti, it-toys tat-tfal – u l-aħħar messaġġi li wħud mill-mejtin ħallew fuq l-internet.

Il-poter Russu jrid jaqsam lill-Ukrajna
Dan kollu riżultat ta’ dak li ilu issa għaddej ix-xhur fl-Ukrajna. Pajjiż li jrid futur Ewropew imma li l-poter Russu qed jipprova jimminah u jaqsmu. Diġà r-Russja ħadet il-Krimea mingħand l-Ukrajna. U qed tipprova tieħu l-Lvant tal-pajjiż.

Xhieda, mhux invenzjonijiet
Naturalment, il-poter Russu jiċħad. Imma r-ribelli fil-Lvant tal-Ukrajna armati b’armi Russi u l-konverżazzjoni bejn ir-ribelli u l-militar Russu jiftaħru li kellhom f’idejhom missili kapaċi jwaqqgħu dak it-tip ta’ ajruplan, u wara li waqqgħuh, jogħxew li għamlu hekk – dawn mhumiex invenzjonijiet.

Jgħidu li m’hemmx moralità fir-relazzjonijiet internazzjonali
Fir-relazzjonijiet internazzjonali jippridkaw l-idea li m’hemmx moralità, fir-rabtiet ma’ pajjiżi oħra ma toqgħodx tara x’tip ta’ pajjiż hu, jekk hux dittatura jew ħieles, jekk hux korrott jew nadif. Għalhekk f’Malta l-Gvern Laburista tmien xhur ilu ried jagħti Ġieħ ir-Repubblika lil Viktor Yanukovych li waqqaf it-triq Ewropea tal-Ukreni, ordna l-isparar fuqhom, u li ftit wara ħarab lejn ir-Russja fost protesti kbar kontrih.

Irid ikun hemm xi moralità fir-rabtiet bejn il-pajjiżi
Issa li l-Ukreni qegħdin iħarsu lejn l-Ewropa, huma mheddin li pajjiżhom jinqasam jew għax ir-Russja qed taqsmu apposta inkella, jekk xi ħadd irid juri ħniena mar-Russja, għax l-ewwel armat lir-ribelli u issa s-sitwazzjoni ħarbitilha minn idejha. Imma quddiem il-konsegwenzi ta’ dan kollu – 298 traġedja fl-ajru u fl-art – irridu nirrabjaw u ngħidu: le, irid ikun hemm xi moralità fir-relazzjonijiet internazzjonali.