Lokali

Tintemm b’suċċess l-Kayak for Charity Challenge 2014

8 siegħat u 51 minuta wara t-tluq tagħhom, it-tim ta’ Kayak for Charity wasal lura Marsamxett il-Ħadd filgħaxija, u ġabru €7163 għall-Fondazzjoni Inspire.

It-tim, magħmul minn Ian Laferla u Andrea Scorcia, irnexxielu jaqdef b’suċċess mill-Belt Valletta sa Pozzallo u lura fuq kajak doppja.

Waqt li telgħin mis-sellum ta’ mal-moll, Ian u Andrea kienu emozzjonati ħafna – ferħanin li temmew l-isfida b’suċċess, qabel il-ħin pjanat, u l-għarfien li din l-isfida unika issa kienet għaddiet.

It-tim telqu minn Marsamxett is-Sibt fis-06:00 u qadfu sa Pozzallo fejn waslu fl- 22:05. Wara ftit ħin ta’ mistrieħ, Ian u Andrea telqu minn Pozzalli fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu u waslu lura Marsamxett ftit qabel id-9pm.

Kayak for Charity ilha tuża l-isport biex tiġbor fondi għal karitajiet differenti sa mill-2008. L-isfida ta’ din is-sena, appoġġjata minn Frank Salt Real Estate, hi maħsuba biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Inspire li tgħin aktar minn elf tarbija, tifel u tifla, u adulti b’diżabilitajiet differenti biex jilħqu l-milja tagħhom billi jieħdu servizzi ta’ edukazzjoni, servizzi terapewtiċi u servizzi ta’ divertiment tal-ogħla kwalità.

Donazzjonijiet jistgħu jsiru onlajn fis-sit http://fundraisingmalta.com/kayakchallenge jew b’SMS billi wieħed jikteb il-kelma “Kayak” u jibgħatu lil 50618080 (€4.66), 50618926 (€6.99) jew 50619215 (€11.65).