Joħorġu d-differenzi bejn is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u s-Sindku Laburista Venera Micallef
Id-differenzi bejn Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għal Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017 u l-Fondi tal-Unjoni Ewropea u s-Sindku Laburista ta’ Ħad-Dingli, Venera Micallef ħarġu għal kollox fil-beraħ il-bieraħ fl-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Mogħdija fil-Kampanja Matul l-Irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.
Għall-inawgurazzjoni tal-proġett li saret minn Joe Mizzi, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura flimkien mas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ma kienx mistieden, wisq inqas ma kienet mistiedna s-Sindku, Venera Micallef.
F’dan il-proġett, li kien inbeda mill-gvern Nazzjonalista matul l-aħħar legislatura permezz tal-Ministeru għar-Ri]orsi u l-Affarijiet Rurali immexxi minn George Pullicino, il-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli li tiegħu Ian Borg kien Sindku, kellu sehem importanti. Dan kien ikkonfermat mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg stess f’kummenti ma In-Nazzjon.
Anke l-Kunsill Lokali l-ġdid immexxi mis-Sindku Laburista, Venera Micallef kien involut f’dan il-proġett tant li l-Kunsillier Nazzjonalista f’Ħad-Dingli, il-Perit David Vassallo f’isem il-Kunsill kellu diversi laqgħat mal-MEPA.
Imma għas-Segretarju Parlamentari, Ian Borg, is-sehem tal-Kunsill Lokali Laburista ta’ Ħad-Dingli tal-lum, issa li hu m’għadux Sindku, m’għadux aktar importanti tant li insista li l-proġett hu tal-Ministeru tat-Trasport biss.
Dan kollu joħroġ fil-beraħ id-differenzi li hemm bejn is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u s-Sindku Laburista ta’ Had-Dingli, Venera Micallef. Dan wassal ukoll biex għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Kunsill Lokali ma kienx mistieden u wisq inqas is-Sindku.
Il-progett tal-Mogħdija fil-Kampanja Matul l-Irdumijiet ta’ Ħad-Dingli kien ippjanat u mibdi mill-gvern Nazzjonalista u jikkonsisti fil-pavimentar faċċata tal-kappella u bankini b’tul ta’ ]ewġ kilometri u xogħol ieħor ta’ tisbiħ.
Dan il-proġett b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro kien ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea b’75 fil-mija tan-nefqa, u l-kumplament mill-fondi lokali.
//= $special ?>