Qorti

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil li seħħ 14-il sena ilu f’San Ġwann

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil li seħħ 14-il sena ilu f’San Ġwann

Justin Fenech, li ġie ddikjarat bħala xhud ostili mill-Ispettur qal li huwa qatt ma semma lill-akkużati dwar il-“hold-up” b’isimhom jew bil-laqam tagħhom, iżda sema’ bil-laqmijiet tagħhom meta kien ittieħed id-Depot tal-Pulizija u xi ħadd semmielu l-laqmijiet “Il-Frejżer” u “Gazzetti”.

Wara li għal ħafna mid-domandi Justin Fenech beda iwieġeb li ma kien qed jiftakar xejn, tela’ jixhed l-Ispettur Keith Arnaud. L-Ispettur Arnaud qal li ma jistax jifhem kif Justin Fenech m’għadux jiftakar meta ftit tal-jiem qabel Justin stess qallu li Richard Grech kien se jaqla’ kemxa flus tajba. L-Ispettur Keith Arnaud spjega meta Justin Fenech qallu li kien sema’ lil Richard Grech jgħid li rah xi ħadd iterter minħabba li kien għadu maħsud b’dak li kien ġara, peress li kien hu li spara f’wiċċ Alphonse Ferriggi.

L-Avukat Franco Debono qal li dak li kien qed jgħid l-Ispettur Arnaud mhux ammissibbli skont il-liġi. L-Avukat Debono filwaqt li għamel talba oħra għal liberta’ proviżorja, li kienet miċħuda mill-Qorti minħabba li għad iridu jixhdu Pulizija pajżana qal li mhux sew li każ li ilu għaddej mill-2010, u li kulħadd tkellem fuqu inkluż il-media fejn ġew rapurtati l-ġurijiet taż-żewġt irġiel, u l-fatt li l-akkużati għandhom il-familjari tagħjom f’Malta, żgur li mhumiex se jaħarbu minn Malta.

Richard Grech ta’ 47 sena minn Ħal-Qormi, magħruf bħala ‘Iz-Zinnanna’ li kien xehed dwar fil-ġuri tiegħu, kien semma’ lil Scerri u lil Vella dwar l-involviment tagħhom f’dan il-qtil u qal li Scerri kien il-moħħ wara l-omiċidju. Kien tenna wkoll li hu ma kienx fuq ix-xena tad-delitt, u sostna li kien ħareġ mill-karozza biex imur jixrob filwaqt li Scerri u Vella marru fuq il-post biex iwettqu l-“hold-up”.

Scerri u Vella qegħdin jiġu mixlijin wkoll li serqu diversi dokumenti bankarji b’dannu għall-Bank Of Valletta, li żammew lil Ferriggi kontra l-volontà tiegħu, li sparaw l-arma f’distanza ta’ 200 metru f’post abbitat, li kellhom arma mingħajr permess u liċenzja tal-Pulzija, li wettqu dannu fuq karozza tal-BOV u li serqu karozza Volkswagen Golf b’dannu għal Alessandro Loporto, li huwa propjeta’ tagħha.

Il-każ ikompli fit-29 ta’ Lulju li ġej fid-9.30 a.m.