Lokali

Konklużjonijiet tal-Bord tal-inkjesta dwar inċident fl-Isptar Monte Carmeli

L-isptar Monte Karmeli

Ġie stabbilit illi waqt il-fażi ta’ kontroll tal-vittma ingħatat injezzjoni

L-allegazzjoni li t-TV tas-sala f’Monte Carmeli kien fuq stazzjon politiku hi kredibbli u probabbli. Għalkemm ġie stabbilit li ntużat il-forza biex il-vittma tiġi kkontrollata, ma ġiet rilevata ebda evidenza li tissustanzja l-allegazzjoni li l-vittma ġiet imsawta. Ġie stabbilit illi waqt il-fażi ta’ kontroll tal-vittma ingħatat injezzjoni. Relatat ma dan il-fatt il-Bord irrileva numru ta’ irregolaritajiet.

Dawn kienu partijiet mill-konklużjoni ta’ investigazzjoni li saret mill-Bord maħtur mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Anzjani dwar inċident li allegatament seħħ ġewwa l-Isptar Monte Carmeli fl-20 ta’ Mejju 2014. F’dan l-inċident pazjent li ilmenta dwar set tat-televiżjoni li kien il-ħin kollu fuq l-istazzjon One TV b’volum għoli u dan ftit jiem qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, allegatament issawwat u kien mgħajjar minn xi membri tal-istaff.

Il-Bord kien inkarigat biex jistabilixxi il-fatti tal-każ billi jiġbor l-informazzjoni kollha relevanti, jiddetermina jekk kienx hemm xi mankanzi fil-kura u l-attenzjoni u, jekk fl-affermattiv, jindika min kien responsabbli għal tali mankanzi, jiddetermina wkoll jekk tali mankanzi jikkostitwux ksur tad-drittijiet tal-pazjent u jew nuqqas ta’ ħila professjonali, jirrakkomanda kull azzjoni li għandha tittieħed u minn min, u jagħmel kull rakkomandazzjoni oħra li jħoss li hija relevanti għal każ.

Il-Bord, kostitwit minn uffiċjali mill-Uffiċju tal-Kummissarju, wara li ffamiljarizza ruħu mad-dokumentazzjoni kollha li kienet disponibbli kif ukoll rapporti fil-media dwar il-każ iddeċieda li għandu jintervista numru ta’ persuni konnessi mal-allegat każ, jagħmel żjara fil-post fejn ġara linċident u jeżamina id-dokumentazzjoni uffiċjali kollha relatata mal-każ.

Il-Bord intervista b’kollox 18-il persuna f’erba’ sessjonijiet. Dawn kienu jinkludu l-allegat vittma, l-istaff inkarigat mill-ward fejn kien qed jirċievi il-kura, persuni li ġew mitluba jintervjenu wara linċident, social worker li ssegwi lill-pazjent, it-tobba kuranti kif ukoll l-management tal-Isptar.

Wara li kkonkluda il-fażi tal-intervisti kif ukoll l-eżami tad-dokumentazzjoni disponibbli, il-Bord wasal għal numru ta’ konklużjonijiet u ssuġġerixxa wkoll numru ta’ rakkommandazzjonijiet.

Ma nstabitx evidenza li l-allegat vittma kienet provokata u jew mgħajjra għalkemm ma jistax jiġi eskluż xi forma ta’ nbix li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-istat mentali tal-pazjent, seta’ kkontribwixxa biex teskala s-sitwazzjoni.

Konsegwentament il-Bord irrakkommanda li jiġu stabbiliti linji gwida ċari u bil-miktub dwar l-użu tat-TV fis-swali, b’mod partikolari fejn jidħlu programmi ta’natura politika li jistgħu joħolqu diżgwid bejn il-pazjenti nfushom kif ukoll bejn il-pazjenti u l-istaff.

Għandu jingħata taħriġ fuq bazi regolari lill-istaff kollu f’materja bħal emotional intelligence u communication skills biex l-istaff isir dejjem iżjed sensittiv għall-ħtiġijiet partikolari tal-pazjenti.

Għalkemm jirriżulta li numru ta’ staff ingħata taħriġ, fuq bażi volontarja, fid- de-escalation techniques, dan it-taħriġ ma ġiex segwit mill-istaff kollu. Huwa mportanti li staff li jista’ jiġi affaċjat b’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet jingħata it-taħriġ neċessarju biex dawn l-inċidenti jiġu riżolti b’mod li jissalvagwardja is-saħħa u s-sigurta’ tal-pazjenti kif ukoll tal-istaff.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikomplu jinvestigaw l-irregolaritajiet li ġew rilevati mill-Bord kif ukoll mill-management tal-Isptar rigward l-amministrazzjoni ta’ mediċina partikolari u jittieħdu dawk il-passi kollha li jiġu meqjusa neċessarji, inkluż passi dixxiplinarji.

Ir-rapport finali tal-Bord ġie mgħoddi lill-Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Saħħa kif ukoll lis-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru. Ir-rapport, li jinkludi diversi dettalji ta’ natura kunfidenzjali rigward is-saħħa mentali tal-pazjent, ma kienx ippublikat.