Lokali

Mhux ħati li kiser id zitu tar-rispett wara li tefgħetlu l-awrina

Terrence Zahra ta’ 30 sena minn Wied il-Għajn ma nstabx ħati li fil-11 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu huwa kkaġuna feriti gravi fuq zitu tar-rispett meta teffagħha ma’ l-art wara li aggrediha u kisrilha jdejha l-leminja. Dan wara li waddbitlu kontentinur bl-awrina.

Zahra u Maria Liberata Gatt kellhom diversi diverġenzi bejniethom fejn anke saru diversi rapport fl-Għassa tal-Pulizija minn naħa jew mill-oħra.

Mill-provi jirriżulta li huwa minnu li Gatt waddbet l-awrina lil Zahra, fejn hija qalet li waddbitu fid-direzzjoni ta’ saqjah meta mar fil-propjeta’ tagħha, skont l-istess Zahra u mara oħra li xehdet fil-każ, ħareġ li l-awrina twaddab minn Gatt, hekk kif Zahra kien riekeb il-karozza tiegħu fiż-Żejtun.

Fix-xhieda tagħha Gatt qalet li fil-11 ta’ Settembru tal-2012, huwa mar iħabtilha l-bieb u beda jkellimha ħażin. Gatt kompliet tgħid li hi marret iġġib il-kontenitur biex turih li kien qed iwaddbilha ilma maħmuġ fil-katusa tal-bir tagħha. Gatt kompliet tgħid li kien dak il-ħin li mbuttaha waqqagħha u spiċċat biex kisret idejha. Qalet ukoll li kienet għamlet rapport lil tas-sanita’.

Xehdet ukoll Vanessa Schembri li dak inhar kienet tal-inċident kienet ma’ Terrence Zahra. Din qalet li kif l-akkużat u l-allegata vittma kienu ħerġin minn fejn ir-residenza fiż-Żejtun, u Zahra mar lejn il-karozza tiegħu, Gatt marret fejn il-karozza u wadbitlu l-awrina li kien f’kontenitur lejn wiċċu, wara kif kienet se titlaq, hija żelqet f’rampa li hemm fil-post.

L-akkużat ukoll xehed li wara dak kollu li seħħ mar jagħmel rapport lill-Pulizija. Fil-Qorti huwa wera ritratti wkoll ta’ fejn kien ipparkjat bil-karozza tiegħu dak inhar u r-rampa li żelqet fuqha zitu tar-rispett.

It-tabib Joseph Saliba ikkonferma fil-Qorti li Gatt kellha ksur f’ida l-leminija. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri qal li fil-Qorti ma ġiex ippruvat li l-akkużat imbotta jew b’xi mod agredixxa lil zitu tar-rispett u għalhekk illibera lil Terrence Zahra, mhux biss fuq il-feriti imma wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.