Lokali

Muscat iwiegħed mod u jagħmel mod ieħor

Waħda mill-wegħdiet ta’ Joseph Muscat kienet li jeqred il-korruzzjoni, iżda l-istess Muscat falla f’waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li kellu jieħu proprju b’rabta mal-korruzzjoni.

Minkejja li t-terminu tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ntemm f’Novembru li għadda, sa issa, l-Gvern għadu ma ħatarx membri ġodda fuq din il-Kummissjoni. Dan minkejja li l-Kummissjoni għadha qed tirċievi lmenti biex jiġu nvestigati.

Fi stqarrija l-Oppożizzjoni qalet dwar il-Mistoqsijiet Parlamentari li bihom diġa’ għamlet pressjoni fuq il-Gvern biex jaħtar il-Kummissjoni mill-aktar fis possibli. Madanakollu, disa’ xhur wara, l-Prim Ministru Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici baqgħu jinsistu li ma jaħtru lil ħadd fuq din il-Kummissjoni. Dan it-tkaxkir tas-saqajn qed iwassal għal allegati każi ta’ korruzzjoni li mhux qed jiġu nvestigati.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li jemmen li l-korruzzjoni tiġġilidha mhux bil-kliem iżda bil-fatti, u għalhekk qed jerġa’ jappella lill-Gvern biex jaħtar il-membri tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni llum qabel għada.