Lokali

Nomini wara r-riżenja tas-Sindku Laburista Quinton Scerri

Wara li fil-bidu ta’ dan ix-xahar is-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar, Quinton Scerri kien irrizenja mill-kariga u anke minn Kunsillier, il-Kummissjoni Elettorali l-bieraħ ħabbret li daħlu żewġ nomini għal elezzjoni każwali biex jimtela l-post ta’ Kunsillier għall-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Dawn huma ta’ Joseph Agius u ta’ Ludgard Scicluna.

Quinton Scerri kien irriżenja fil-bidu ta’ dan ix-xahar wara li investigazzjoni li saret mill-Bord tal-Governanza maħtura mill-Gvern sabet numru ta’ irregolaritajiet fir-rwol tiegħu ta’ Sindku.

Fost il-konklużijiet tal-Bord tal-Governanza f’rapport li sar dwar il-ksur ta’ liġi fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, intqal li s-Sindku Laburista Quinton Scerri għandu atteġġjament arroganti u abbużiv, fost l-oħrajn għax żamm il-paga dovuta lis-Segretarju Eżekuttiv mingħajr l-ebda raġuni valida.
Konklużjoni oħra kienet li Scerri ħoloq traċċi ta’ inċident ta’ hit and run fil-konfront ta’ Kunsillier kollega tiegħu, liema inċident ma seħħ qatt. Kien hemm ukoll rapporti lill-pulizija, pero’ m’hi għaddejja l-ebda investigazzjoni, dwar każi oħra ta’ firem kontra s-Segretarju tal-Kunsill u dwar l-operat tal-istess Kunsill.

Ir-rapport jgħid ukoll li l-vot qawwi li kiseb fl-elezzjoni għall-Kunsill Lokali, jidher li tant tela’ għal ras is-Sindku Laburista Quinton Scerri, li dan nesa l-proċedura u r-regolamenti kollha tat-tmexxija ta’ Gvern Lokali.

Dan il-każ kien żvelat minn In-Nazzjon f’Gunju tas-sena li għaddiet, meta wara investigazzjoni li konna għamilna, kien irriżulta li kien hemm numru ta’ irregolaritajiet min-naħa tas-Sindku Laburista Quinton Scerri fl-organizzazzjoni tal-attivita’ L-Itwal Mejda fid-Dinja.

Minn hemmhekk, imbaghad, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, prattikament ma baqax jiffunzjona u ilu mit-12 ta’ Marzu ma jiltaqa’ minħabba nuqqas ta’ kworum, tant li l-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista Mario Fava stess ressaq din is-sitwazzjoni fil-Kunsill b’maġġoranza Laburista għall-investigazzjoni.