Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) se jmexxi proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet kollha konċernati u interessati dwar il-White Paper li kienet ippubblikata dan l-aħħar mill-Ministru għall-Gustizzja, il-Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici dwar ir-riforma tal-liġi dwar id-droga.
F’kummenti lil In-Nazzjon dwar din l-inizjattiva, Matthew Agius, il-President tal-MŻPN qal li l-Moviment jagħraf li dan is-suġġett li anke ħareġ mill-White Paper li nieda l-Gvern, hu realta` li dejjem qed tikber madwarna u hu settur li jolqot b’mod partikulari liż-żgħażagħ.
Għalhekk l-MŻPN ħa l-inkarigu biex f’isem il-Partit Nazzjonalista jagħmel dan il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar materja tant imporanti għaż-żgħażagħ. Hu spjega li fil-konsultazzjoni l-MŻPN se jkun qed jiltaqa ma kemm jista’ jkun żgħażagħ u anke jkollu r-reazzjonijiet mill-pubbliku in-ġenerali. Se jkollu wkoll sensiela ta’ laqgħat ma dawk l-enetitajiet kollha li b’xi mod jew ieħor imissu ma dan is-settur, kemm ma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-vittmi tad-droga, il-persuni li jgħinu fir-rijabilitazzjoni kif ukoll ma entitajiet li huma favur parti jew oħra tal-liġi tad-dikriminalizzazzjoni tad-droga.
Matthew Agius spjega li l-MŻPN se jkun qed jagħmel dan il-proċess għax fl-aħħar mill-aħħar l-interess tal-Moviment hu li jara li kwalunkwe tibdil li jista’ jsir ikun favur il-vittma, ħalli jkunu salvagwardati l-interessi tal-vittma u dan filwaqt li jiżdied l-impenn kontra t-traffikanti tad-droga.
Hu spjega li permezz tal-laqgħat li se jsiru mal-pubbliku, maż-żgħażagħ u l-attivitajiet marbuta, l-MŻPN ikun iżjed infurmat dwar dak kollu li hawn madwarna, ir-realta` li l-Moviment irid jitkellem dwarha u li jird jara li tkun indirizzata. B’hekk il-Moviment jasal biex ikun jista’ joħroġ b’pożizzjoni fl-aħjar interess ta’ kwalunkwe individwu li jisfa’ vittma tad-droga. Dan filwaqt li jkun qed jara li l-ġlieda kontra t-traffikar tkun aktar soda bl-iskop li jtejjeb is-soċjeta` li ngħixu fiha.
Bħala moviment li dejjem emmen fl-importanza ta’ konsultazzjoni wiesgħa kemm jista’ jkun dwar kull materja ta’ importanza, l-MŻPN se jkun qed jilqa’ l-ideat tal-pubbliku wkoll. Dawn l-ideat jistgħu jitwasslu lil MŻPM permezz ta’ e-amil fuq mzpn@pn.org.mt jew permezz tal-posta fuq MŻPN, Dar Ċentrali Partit Nazzjonalista, Triq Herbert Ganado, Tal-Pieta`.
//= $special ?>