Sport

Qarabag jiddominaw fuq Valletta b’disa’ plejers

QARABAG…………4
VALLETTA ……….0

Qarabag: Sehic, Qarayev, Teli, Agolli (Guliyev 82′), Guseynov, Reynaldo (Nadirov 46′), Dias, Gurbanov, Richard Almeida (Yusifov 75′), George, Chumbinho

Valletta: N. Vella, J. Caruana, I. Azzopardi, L. Dimech, R. Fenech, H. Faria, R. Briffa, R. Bajada, K. Nafti (Al Kamali 85′), Elford-Alliyu (Kooh Sohna 57′), I. Zammit ( L. Montebello 69′)

Imwissija: S. Bajada, L. Dimech, Faria (V)< George (Q)

Tkeċċew: J. Caruana 19', R. Fenech 84 (V)

Skorja: Reynaldo 14', Chumbinho 48', Dias 56', George 80' (Q)

Referee: Sergei Tsinkevich (Belarus)

Quddiem folla nkredibbli li ma waqfitx tagħti l-appoġġ tagħha, Valletta kienu eliminati miċ-Champions League b'disa' plejers kontra Qarabag fl-Azerbaijan 5-0 aggregate wara telfa 4-0 fit-tieni leg f'Baku fejn kellhom żewġ plejers imkeċċija.

Kif mistenni l-logħba kienet ferm diffiċli għal Valletta milgħuba fuq ritmu veloċi u kultant anke nervuża speċjalment wara t-tkeċċija ta' Jonathan Caruana fl-ewwel minuti u mbagħad dik tal-captain Ryan Fenech lejn it-tmiem.

Minflok is-sospiż Ryan Camilleri, Gilbert Agius inkluda mill-bidu lil Ian Zammit bħala winger waqt li Roderick Briffa lagħab fid-difiża fuq il-lemin wara Ian Zammit. Fenech, Faria u Bajada kienu t-tliet plejers l-oħra fil-midfield mgħejuna minn Nafti u quddiemu Latif.

Ftuħ qawwi minn Qarabag li wara biss żewġ minuti kellhom ċans tajjeb bil-ballun salvat f'korner u mbagħad kien Richard Almeida, plejer mill-aktar tekniku u ħabrieki, li falla l-bersall. Ftit wara kien Ryan Fenech li kkonkluda ftit għoli.

Imma fl-14-il minuta REYNALDO rċieva mingħand George – li flimkien ma' Almeida kienu l-aħjar plejers – dar ma' Caruana u Luke Dimech u hekk kif daħal fil-kaxxa b'xutt fil-baxx għeleb lil Vella. Ftit wara l-Beltin sabu ruħhom bi plejer anqas meta Jonathan Caruana imbotta Reynaldo li kien ħarab waħdu.

B'raġel aktar Qarabag kellhom kontroll assolut b'Bajada jinżel fid-difiża u Nafti bħala midfielder. L-ewwel xutt Belti fit-taqsima wasal fit-43 minuta meta Nafti pprova jaħsad lill-gowlkiper minn barra l-kaxxa imma l-ballun kien ċentrali.

Wara l-mistrieħ Nadirov daħal flok l-awtur tal-gowl Reynaldo u wara biss 3 minuti kien CHUMBINHO li b'xutt ieħor bil-baxx wara li rċieva mingħand l-istess Nadirov, għamilhom 2-0. Minuti wara kien Nadirov li xeħet ftit barra.

Fis-57 minuta Qarabag għamluhom 3-0 meta meta Vella ħareġ ħażin fuq Qarayev li mill-cross tiegħu DANILO DIAS f'lasta vojta antiċipa lil Briffa. Eżatt wara l-gowl Agius biddel lil Elford-Alliyu li deher muġugħ ma' Kooh Sohna.

Fit-68 minuta kien Dimech li tajjar f'korner wara li Vella kien wettaq save stupend fuq Dias u qabel ingħata l-korner Luke Montebello daħal flok Ian Zammit.

Fit-80 minuta wasal l-isbaħ gowl tal-logħba maħdum tajjeb minn Qarabag u konkluż minn LEROY GEORGE minn żewġ passi bogħod wara azzjoni mill-aqwa bejn Gurbanov u Nadirov.
Bil-partitarji numerużi ta' Qarabag f'festa, Valletta spiċċaw fuq nota ferm negattiva meta fl-84 minuta tkeċċa wkoll il-captain Ryan Fenech għal foul f'nofs il-ground fuq Qarayev. Hawn Gilbert Agius daħħal lil Al Kamali li kien qed jiddebutta mal-Beltin minflok Nafti biex jgħin fl-aħħar ftit minuti, u kien proprju Al Kamali li tajjar minn fuq il-linja biex evita l-ħames gowl fil-ħin miżjud.

Fir-round li jmiss Qarabag issa jilagħbu kontra Red Bull Salzburg tal-Awstrija.