Lokali

Reviżjoni tal-liġijiet dwar ħtif ta’ persuni

B’riżultat tal-każ tat-tfal Ġermaniżi, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fil-liġi (loopholes) li se jwasslu biex ikun hemm reviżjoni dwar ċirkostanzi differenti ta’ ħtif.

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea staqsa jekk dan il-każ iwassalx lill-Gvern biex jagħti aktar attenzjoni ħalli każi simili ma jirrepetux ruħhom
Fir-risposti li ta fil-ħin tal-mistoqsijiet waqt is-seduta ta’ nhar it-Tlieta, il-Ministru Michael Farrugia qal li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijeit dwar il-każ u għalhekk ċerti risposti għal domandi li saru kienu se jingħataw f’seduta oħra.

Sadanittant hu ta ċerti dettalji, fejn hu stabbilit li ma kien hemm ebda care order u għalhekk la fil-portijiet u lanqas fl-ajruport ma kien hemm dettalji dwar dawn it-tfal jew xi impediment biex jidħlu jew joħorġu mill-pajjiż.

Il-Ministru qal li ġie stabbilit il-mod kif it-tfal inħarġu mill-pajjiż. Hu żied li kien lest jagħti dettalji dwar is-sistema użata lill-Membru Parlamentari fuq bażi kunfidenzjali biex ma jkunx hemm każi oħra ta’ abbuż mis-sistema.

Michael Farrugia qal li s-sistema Schenghen tippermetti li jsir ċaqliq minn pajjiż għal ieħor mingħajr ċerti kontrolli. Għalhekk ladarba ma kienx hemm care order, ma kienx hemm informazzjoni dwar dawn it-tfal fil-postijiet ta’ dħul u ħruġ.