Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, nhar il-Ħamis fil-Parlament ħa aġġornament biex iwassal messaġġ importanti; mhux fuq xi kontroversja normali, imma biex inħarsu dak li hu bażiku f’demokrazija moderna u biex il-politika tkun ċivili u serja.
Mhux kontroversji politiċi tas-soltu
Minn dak li ġara fl-aħħar ġranet, Simon Busuttil fisser kif il-Gvern qed jagħmel affarijiet li jmorru ‘l hemm minn kontroversji politiċi tas-soltu u jnaqqru l-istil ta’ ħajja demokratiku, trasparenti, liberu, u ċivili li nistennew f’pajjiż modern.
Il-Prim Ministru jigdeb fuq il-ħlasijiet tal-mara ta’ Ministru
Simon Busuttil spjega kif kellna gideb ċar tal-Prim Ministru stess fuq il-flejjes li mara ta’ Ministru qed tieħu mit-taxxi ta’ kulħadd; Prim Ministru li jippretendi li ħadd ma jista’ jikkritikah u jirribatti l-kritika bit-tgħajjir u l-insulti flok b’argumenti ċivili.
Muscat jaħbi kuntratti li jbigħu ħwejjiġna b’kundizzjonijiet misturin
Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega kif kellna l-ħabi ta’ kuntratti pubbliċi ma’ kumpaniji privati Maltin u barranin u anke ma’ gvern barrani li jbigħu proprjetajiet tal-poplu u jorbtu lill-gvernijiet tal-futur u lill-poplu kollu b’kundizzjonijiet moħbijin.
Gvern li jagħti lill-partit tiegħu propjetajiet pubbliċi multimiljunarji…
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fisser bil-fatti kif għandna Gvern li jagħti lill-p artit tiegħu proprjetajiet tal-poplu li jiswew miljuni kbar.
… u jimmina istituzzjonijiet indipendenti
Gvern li jimmina istituzzjonijiet indipedenti b’ħatriet ta’ attivisti Laburisti, b’attakk fuq l-indipendenza u l-effettività tal-Ombudsman, u bil-ħtif tal-Armata u l-Pulizija li qed isiru każini tal-Labour.
Gvern li jinsulta lil min jikkritikah u jagħmel argumenti fażulli
Simon Busuttil attakka l-argument fażull li jekk xi ħaġa forsi saret ħażin fil-passat, issa l-Gvern Laburista jista’ saħansitra jagħmel agħar, meta wiegħed li suppost kellu jagħmel aħjar.
Prim Ministru li qed ineħħi l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera għa t-tneħħija bla ebda konsultazzjoni ta’ xejn mal-Oppożizzjoni tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali – ħaġa li żgur qatt ma saret qabel u li tmiss il-bażiku fid-demokrazija; il-vot regolari tal-elettorat u li min tela’ għal erba’ snin ma jistax hu stess jaqbad u jirdoppja ż-żmien tiegħu fuq is-siġġu.
Gvern intolleranti li jigdeb u jaħbi, jimmina l-istituzzjonijiet, u jieħu ħwejjiġna
Dawn mhumiex kontroversji normali fuq policy jew ħatra imma ferm agħar: Gvern li qed jigdeb, jaħbi, u jimmina istituzzjonijiet suppost indipendenti; Gvern intolleranti li jinsulta lil min jikkritah u li jagħti lill-partit tiegħu il-miljuni minn ħwejjiġna.
Irridu stil ta’ ħajja demokratiku, trasparenti, ħieles, u ċivili f’pajjiż modern
Simon Busuttil appella biex kulħadd jiżen b’mod oġġettiv dan li qed jiġri u li jmur ‘l hemm minn kontroversja politika normali imma jnaqqar l-istil ta’ ħajja li naspiraw għalih; stil ta’ ħajja demokratiku, trasparenti, ħieles, u ċivili f’pajjiż verament modern.
//= $special ?>