Grupp ta’ tlettax-il żagħżugħ u żagħżugħa mill-Uffiċċju Missjunarju f’pajjiżna lbieraħ wara nofsinhar ħallew Malta lejn il-Filippini fejn se jkunu qed iwettqu ħidma fost it-tfal foqra fil-pajjiż.
Iż-żgħażagħ, li għandhom bejn tmintax u tletin sena, ilhom sa minn Jannar li għadda jwettqu attivitajiet ta’ fundraising biex ġabru somma ta’ ħdax-il elf ewro li se jtellawhom magħhom biex jużawhom fuq proġetti differenti kemm fi skola tat-tfal kif ukoll fl-irħula Filippini.
Father Salvinu Micallef, Direttur tal-Uffiċċju Missjunarju f’Malta spjega li l-ħidma ewlenija tal-grupp li se jkun qed imexxi tiffoka prinċiparjament fi skola fejn jattendu t-tfal. Il-Maltin se jkunu qed jgħinu fit-tagħlim tal-Ingliż, jorganizzaw krafts u logħob kif ukoll iwettqu xogħol ta’ manutenzjoni fl-iskola. Huma se jħallsu wkoll parti mill-ispejjeż li dawn l-istudenti jħallsu biex jattendu l-iskola.
Minbarra dan, il-missjoni tal-Maltin fil-Filippini tiffoka wkoll fuq tqassim tal-ikel lil dawn it-tfal, li kif inhi tradizzjoni fil-Filippini, jingħataw l-ikla ta’ nofsinhar.
Father Salvinu spjega wkoll ż-żgħażagħ Maltin se jintegraw ruħom ukoll fl-irħula tal-madwar fejn se jmorru jesperjenzaw dak li jgħaddu minnu dawn it-tfal li se jkunu qed jaħdmu magħhom.
Fost l-oħrajn iż-żgħażagħ Maltin tħarrġu wkoll biex ikunu jistgħu jgħinu lill-familji Filippini fil-ħajja ta’ kuljum, jgħinuhom fil-bżonnijiet u xiri ta’ prodotti kif ukoll iwettqu ħidma ta’ manutenzjoni fid-djar tagħhom.
Mistoqsi għaliex intagħżlu l-Filippini, Father Salvinu qal li ta’ kull sena l-Uffiċċju Missjurnarju jagħżel pajjiż differenti fejn iwettaq l-esperjenza missjunarja tiegħu. Qal li l-pajjiżi jintagħżlu skont fejn ikun hemm missjunarji Maltin li ħafna drabi jkunu huma li jitolbu l-assistenza.
Fil-Filippini, iż-żgħażagħ Maltin se jkunu qed jaħdmu flimkien mas-sorijiet Franġiskani Maltin fil-Filippini.
//= $special ?>