Lokali Qorti

Aktar reazzjonijiet negattivi kontra l-ħatra ta’ Wenzu Mintoff

Avukat ieħor jeħodha qatta’ bla ħabel kontra l-ħatra tal-attivist Laburista Wenzu Mintoff bħala Mħallef il-ġimgħa li għaddiet.

F’artiklu li jikteb kull nhar ta’ Erbgħa fil-ġurnal The Malta Independent, l-Avukat Austin Sammut qal li l-ħatra ta’ Wenzu Mintoff hi nsult kemm lejn ġudikanti serji li għamlu unur lill-ġudikatura kif ukoll lejn il-poplu Malta b’mod ġenerali.

L-Avukat Sammut iddikjara li mhux se jattendi s-seduta inawgurali tal-Imħallef Wenzu Mintoff u ħeġġeġ lil avukati oħra li jaħsbuha bħalu biex jagħmlu l-istess u jibbojkottjaw din is-seduta.

Hu kompla li fil-ħatra ta’ Wenzu Mintoff, il-Gvern injora għal kollox ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-Riforma tal-Gustizzja mwaqqfa minnu stess u li hi mmexxija mill-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello Rakkomandazzjonijiet li għandhom il-qbil u l-appoġġ tal-Kamra tal-Avukati.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li kandidati prospettiva għall-bank tal-ġudikatura jgħaddu minn proċess ta’ skrutinju sabiex ikun stabbilit jekk għandhomx il-kwalitajiet u l-ħiliet li jokkupaw il-kariga.

Austin Sammut staqsa kif jista’ jkun li jkollok bħala mħallef, persuna li għal ħafna snin ingurja prattikament nofs il-popolazzjoni ta’ Malta bil-kitbiet tiegħu.
Staqsa wkoll kif parti sostanzjali tal-popolazzjoni tista’ qatt ikollha fiduċja li tkun trattata b’mod bilanċjat, speċjalment f’każi li jkun sensittivi politikament.

Austin Sammut ikkonferma wkoll dak li qalu numru ta’ avukati oħrajn li Wenzu Mintoff m’għandux l-esperjenza mitluba mill-Kostituzzjoni biex iservi bhala Mħallef. Sammut qal li ilu jippratika bħala Avukat għal 32 sena u jiddubita jekk rahx għaxar darbiet fl-Awli tal-Qorti.