Lokali

Finanzi Pubbliċi – Malta tmur kontra xejra Ewropea

Konferma oħra li fejn għandu x’jaqsam mal-iżbilanċ tal-Gvern, Malta qed tmur kontra x-xejra fl-Ewropa, bil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ż-żona ewro jirreġistraw titjib fil-qagħda tal-finanzi pubbliċi filwaqt li f’Malta is-sitwazzjoni qed tmur lura.

Fil-fatt, ċifri maħruga mill-Eurostat, l-Aġenzija tal-Istatistika tal-UE jindikaw li d-defiċit fiż-żona ewro għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena hu ta’ 2.7 fil-mija tal-prodott domestiku gross, li jfisser titjib meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet fejn ir-rata medja kienet ta’ 3.1 fil-mija.

It-titjib bħala medja tat-28 pajjiz membru tal-UE hu saħansitra ikbar. Bl-iżbilanċ jinżel minn 3.4 fil-mija bejn Jannar u Marzu tas-sena li għaddiet għal 1.9 fil-mija fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena.

Dan jikkuntrasta sew ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżna. Ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika maħruga iktar kmieni dan ix-xahar juru li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna żdied b’25 miljun ewro, jew aktar minn 23 fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2013.

Mill-istatistika tal-NSO jirriżulta li f’dak li huwa dħul li fi tmiem Marzu li għadda kien fil-livell ta’ 687 miljun ewro, il-Gvern daħħal aktar mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni u mill-kontribuzzjonijiet soċjali imma naqas id-dħul mill-Income Tax, jiġifieri kien hawn inqas nies jaħdmu f’pajjiżna.

Min-naħa l-oħra n-nefqa, li kienet fil-livell ta’ 819-il miljun ewro, żdiedet fil-benefiċċji soċjali u fost l-oħrajn fil-pagi taċ-ċivil – sinjal ċar li jkompli jikkonferma ż-żieda fl-impjiegi mal-Gvern. Hawnhekk kien hawn żieda ta’ ftit aktar minn tmintax-il miljun ewro fin-nefqa tal-Gvern.