Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici jinsulenta l-intelliġenza tan-nies

F’anqas minn ġimgħa, bid-dikjarazzjonijiet tiegħu, l-Ministru Owen Bonnici qiegħed jiprova jinsulenta l-intelliġenza tan-nies. Nhar il-Ġimgħa li għadda, l-Ministru Owen Bonnici qal li jrid jikkonsulta dwar jekk għandux jikkonsulta l-elettorat fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Issa, f’kummenti ma’ The Malta Independent, qal li jittama li d-deċiżjoni dwar l-Imħallef Lino Farrugia Sacco tittieħed qabel dan jirtira. Kif jista’ wieħed jemmen lill-Ministru Bonnici meta kulħadd jaf li l-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-Sajf nhar il-Ġimgħa li ġej (jumejn oħra), u l-Imħallef Farrugia Sacco jirtira fit-22 ta’ Awwissu?

Il-Partit Nazzjonalista qal li jekk il-Ministru Bonnici jrid tassew jittieħed bis-serjeta’, għandu jmexxi bil-proċedura tal-impeachment minnufih fil-Parlament. Il-Partit Nazzjonalista jkompli jagħmilha ċara li jinsab lest li jitkomplew is-seduti u li l-Parlament ma jaġġornax għall-vaganzi tas-sajf biex tkun diġa’ diskussa immedjatament il-mozzjoni ta’ impeachment tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco qabel ma dan jirtira f’Awwissu li ġej.

Il-Partit Nazzjonalista jisfida wkoll lill-Ministru Bonnici biex b’mod immedjat, jattwa l-proposti li ressqet il-Kummissjoni għar-Riforma fil-Ġustizzja dwar kif għandhom jinħatru l-Imħallfin, li magħhom jaqbel kulħadd.