Lokali

Il-Proġett tal-Power Station se jaqa’ lura bejn sitt xhur u sena

Il-Proġett tal-Power Station ta’ Delimara jista’ jitlesta bejn sitt xhur u sena wara id-data stabbilita mill-Gvern.

Artiklu fil-ħarġa tal-Erbgħa ta’ The Malta Independent jikkwota artiklu ta’ Tradewinds, gazzetta internazzjonali li tispeċjalizza fil-qasam marittimu. Skont Tradewinds, is-servizz tat-tanker tal-ħażna tal-gass f’Marsaxlokk, li hu parti integrali tal-proġett tal-power station, se jimxi lura mid-data stabbilita ta’ Marzu li ġej għal bejn Settembru tas-sena d-dieħla u Marzu tal-2016.

Jiġifieri il-proġett se jaqa’ lura bejn sitt xhur u sena. Waqt il-kampanja elettorali u fl-ewwel ġimgħat ta’ wara l-elezzjoni, Joseph Muscat wiegħed li f’sentejn mill-elezzjoni se jkun lesta power station ġdida li taħdem fil-gass.

The Malta Independent tkompli li f’temp ta’ tmien xhur, il-konsorzju Electrogas Malta irid ikun lesta l-fażijiet kollha ta’ dan il-proġett, inkluż il-bini ta’ moll għat-tanker tal-gass.

Il-ġurnal ikompli li jekk il-proġett ma jitlestiex fil-ħin, il-Prim Ministu Joseph Muscat se jkollu diffikulta’ biex iwettaq it-tieni parti tal-wegħda elettorali li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-industrija u l-intrapriża f’Marzu li ġej.

Dan wara li r-roħs lir-residenzi kien iffinanzjat mill-effiċjenza tal-impjant tal-BWSC f’Delimara u l-bejgħ ta’ assi tal-Enemalta lil kumpanija tal-Gvern Ċiniż.