Is-Segretarju għall-Intern tar-Renju Unit, Theresa May, ħabbret li għandha ssir inkjesta dwar il-mewt tad-dissident Russu, Alexander Litvinenko. Din l-investigazzjoni se tipprova ssib il-provi dwar jekk ir-Russja kellhiex responsabbiltà diretta għal mewtu.
Litvinenko, li fil-passat kien jifforma parti mill-KGB, l-eksservizzi sigrieti Sovjetiċi, miet l-isptar, f’Londra, fl-2006, wara li allegatament spiċċa avvelenat b’sustanza radjuattiva li aktar tard kienet identifikata bħala polonium.
Hu mifhum li Litvinenko, li kellu 43 sena, miet wara li kkonsma din is-sustanza, u f’ħin meta hu kien qed jieħu t-te fil-kumpanija ta’ żewġt irġiel Russi f’lukanda f’Londra. Sar magħruf, intant, li wieħed minn dawn iż-żewġt irġiel ukoll kien eks uffiċjal tal-KGB.
Theresa May, sadanittant, esprimiet tama li l-inkjesta tista’ tipprovdi ftit serħan il-moħħ għal Marina, l-armla ta’ Litvinenko.
L-aħbar dwar din l-inkjesta ħarġet wara li l-Gvern Britanniku dam żmien jirreżisti s-sejħiet biex issir investigazzjoni pubblika dwar il-każ ta’ Litvinenko.
//= $special ?>

