Editorjal

Editorjal: Kliem qadim, tifsir ġdid

Tletin sena ilu, ħafna kienu qraw il-ktieb ta’ George Orwell intitolat għal dik is-sena stess, 1984, dwar dittatorjat fejn ir-reġim ta tifsiriet ġodda lil kliem qodma ħalli n-nies ma jkunux jistgħu jikkritikawh. Il-vokabolarju l-ġdid kien jissejjaħ ‘newspeak’.

Tifsiriet ġodda għall-kelmiet ‘konsultazzjoni’ u ‘stakeholder’
Dan kien fil-pajjiż fittizju Owelljan ta’ ‘Oceania’. Imma issa qed jiżviluppa ‘newspeak’ ġdid f’pajjiż ta’ veru, Malta. Kliem bħal ‘trasparenza’, ‘accountability’, u ‘meritokrazija’ nbidlu kompletament fit-tifsira wara l-elezzjoni ġenerali. U dal-proċess għadu għaddej; l-aħħar bidla hi fit-tifsiriet tal-kelmiet ‘konsultazzjoni’ u ‘stakeholder’.

Gvernijiet Nazzjonalisti żiedu l-konsultazzjonijiet mal-elettorat
F’demokrazija, issir konsultazzjoni regolari mal-elettorat, jiġifieri l-elezzjonijiet. Gvernijiet Nazzjonalisti żiedu l-konsultazzjonijiet mal-elettorat li ma baqgħux darba waħda f’ħames snin imma ferm aktar ta’ spiss bl-elezzjonijiet tal-kunsilli, tal-Parlament Ewropew u anke diversi referenda, u wkoll bid-dritt li n-nies jitolbuhom.

Il-Gvern Laburista ddeċieda li jneħħi l-elezzjonijiet tal-kunsilli
Issa, il-Gvern Laburista ddeċieda li jneħħi l-elezzjonijiet tal-kunsilli għal dal-ħames snin. Joseph Muscat mar f’każin Laburista l-Ħadd filgħodu u qal li għajjew in-nies jivvutaw. In-Nazzjonalisti, jiġifieri, qatgħulna nifisna bil-libertà li ġabu u bl-opportunitajiet spissi li tawna biex immorru nivvutaw u nuru fehmitna.

Qal li m’għandux flus biex jagħmel l-elezzjonijiet tal-kunsilli u n-nies għajjew
U m’għandux flus biex jagħmel l-elezzjonijiet tal-kunsilli, qal Muscat. Wara li se jkun nefaq mitt miljun ewro aktar fuq il-kabinett rekord, wara n-nies tal-qalba li daħħal bil-pagi lussużi mal-gvern, wara n-nofs miljun li ta lill-mara tal-Ministru, bilfors ma jibqagħlux flus; u d-demokrazija hi anqas importanti minn kemm se jaħtfu tal-qalba.

Owen Bonnici jgħid li se jagħmel ‘konsultazzjoni’ mal-‘istakeholders’
Kif in-nies bdew jindunaw xi tfisser din l-intenzjoni tal-Gvern Laburista, il-Prim Ministru Muscat bagħat lill-Ministru Owen Bonnici biex jispjegalhom daqsxejn. U Owen Bonnici qal li se jagħmel konsultazzjoni mal-istakeholders.

‘Konsultazzjoni’ ma’ min irid jibqa’ mkaħħal mas-siġġu biex ineħħi l-konsultazzjoni vera
Jiġifieri se jagħmel konsultazzjoni biex ineħħi l-konsultazzjoni mal-elettorat. Tifsira ġdida għall-kelma konsultazzjoni. U l-istakeholders min huma? Għax f’demokrazija l-istakeholder hu l-elettorat, kulħadd indaqs. Ma’ min se jagħmel il-konsultazzjoni? Mas-sindki Laburisti li jridu jibqgħu mkaħħlin mas-siġġu?

Bħall-1984 meta kien hawn tifsira bil-maqlub tal-kelma demokrazija
Fl-1984 Malta kellha Gvern Laburista li baqa’ mkaħħal mas-siġġu kontra r-rieda tal-maġġoranza. Dik il-ħabta wkoll kienu vvintaw tifsira ġdida għall-kelma ‘demokrazija’. Issa l-Labour se jagħmel l-istess fil-livell tal-kunsilli. B’Joseph Muscat jagħmel il-kelmiet ‘konsultazzjoni’ u ‘stakeholder’ ifissru eżatt il-maqlub.