Lokali

L-uniformijiet tat-tfal fl-iskejjel tal-Gvern bi prezz għola

Għalkemm fil-jiem li għaddew ġenituri ta’ tfal studenti li jattendu Kulleggi differenti qalu li mhux biss l-uniformijiet se jkunu ogħla mis-sena li għaddiet, imma se jkunu ogħla wkoll mis-sena ta’ qabel, skont il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo l-uniformijiet tal-Kulleġġi kollha roħsu b’medja ta’ 10 fil-mija fuq il-prezz tas-snin li għaddew.

Dan ħareg minn risposti li l-Ministru Evarist Bartolo bagħat għal mistoqsijiet li saru mill-gurnal IN-NAZZJON, li fihom qal li dan ir-roħs hu meta dawn l-uniformijiet jinxtraw mill-kumpanija li offriet prezz meta saret is-sejħa pubblika għall-offerti tal-prezzijiet tal-uniformijiet u l-prezzijiet bdew jgħoddu mill-5 ta’ dan ix-xaħar.

Ir-rapport fuq IN-NAZZJON jkompli jgħid li għal mistoqsija biex jingħata l-prezz ta’ kull parti tal-uniformi, jiġifieri qalziet jew dublett, ġlekk, ingravata, flokk, track suit u bicciet oħrajn tal-uniformi, il-Ministru qal li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata aktar tard.

Ir-rapport ikompli jgħid li Evarist Bartolo qal li t-tip ta’ materjal baqa’ l-istess bħas-snin l-imgħoddija imma l-ġenituri m’humiex se jkunu jistgħu jixtru l-materjal u jħitu huma stess l-uniformi ta’ wliedhom. Dan minħabba li l-kuntratt li sar bejn id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi u l-kumpanija awtorizzata biex tbigħ l-uniformijiet tal-iskejjel, ikopri l-bejgħ ta’ uniformijiet lesti. Skont il-Ministru Bartolo dan sar biex ikun rispettat id-disinn u l-għamla tal-uniformi speċifika.

Ir-rapport fuq IN-NAZZJON jtemm li minkejja dan kollu, ġenituri li tkellmu ma’ IN-NAZZJON qalu li għalkemm il-Gvern qed jagħti l-impressjoni li l-uniformijiet se jorħsu, fil-fatt zgur li se jkun hemm żieda ta’ aktar minn 10 ewro fl-uniformijiet tal-kindergarten. Dan apparti informazzjoni nieqsa fiċ-ċirkolari li ntbgħatet lill-ġenituri, li ma tinkludix jekk l-uniformijiet għal din is-sena humiex se jinbidlu jew le.