Futbol Sport

Loew se jibqa’ kowċ tal-Ġermanja sal-2016

Il-kowċ nazzjonali tal-Ġermanja Joachim Loew se jibqa’ jmexxi lit-tim sa meta tintemm il-Euro 2016. Fl-2006 Loew kien inħatar kowċ tal-Ġermanja wara li kien għamel sentejn assistent ta’ Jurgen Klinsmann. Fl-2008 Loew mexxa lit-tim sal-finali tal-Kampjonati Ewropej, finali mitlufa kontra Spanja filwaqt li fl-2010 l-Ġermanja waslu sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja. Sentejn wara l-Ġermanja reġgħu waslu sas-semifinali tal-Euro 2012 u ġimgħa u nofs ilu Loew wassal lit-tim għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil.

Loew kien ġedded il-kuntratt tiegħu sal-2016 f’Ottubru li għadda u kien hemm spekulazzjonijiet li dan jista’ jħalli lit-tim wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja. Madankollu Loew, li għandu 54 sena qal, “Wara li irbaħna t-Tazza tad-Dinja kelli bżonn ftit jiem biex niddeċiedi x’se nagħmel fil-futur.”

F’Settembru li ġej il-Ġermanja jibdew jilagħbu fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li se jsiru fi Franza. Fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni l-Ġermaniżi jridu jilagħbu kontra l-Irlanda, l-Polonja, l-Iskozja, Ġibilta` u l-Ġorġja.