In-nuqqasijiet fil-liġijiet dwar ħtif ta’ persuni mistenni jkunu indirizzata. Dan wara li iktar kmieni dan ix-xahar, dan l-istazzjon żvela li żewġ tfal Ġermaniżi ta’ 6 u 4 snin, tħarrbu lejn il-Ġermanja minn Malta waqt li kienu taħt il-kustodja tal-Agenzija Appoġġ.
Dan ħareg fil-Parlament waqt il-ħin tal-Mistoqsijiet wara d-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea staqsa jekk dan il-każ iwassalx lill-Gvern biex jagħti iktar attenzjoni sabiex każi simili ma jirrepetux ruħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-familja u solidarjeta soċjali Michael Farrugia qal li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. Hu qal li peress li ma nħareġ ebda care order, il-portijiet u l-ajruport internazzjonali ma kienux informati dwar dawn iż-żewgt itfal. Lanqas li ma kien hemm xi impediment biex jidħlu jew joħorgu mill-pajjiż.
F’Ġunju li għadda, wieħed mit-tfal, Jeremias ta’ 6 snin, instab waħdu f’għalqa f’Marsalforn. L-għada, omm it-tfajjel, Sabrina Albrecht tressqet il-Qorti akkużata b’abbandun tat-tfal. Il-Qorti kienet poġġiet liż-żewġt it-tfal fil-kustodja tal-Agenzija Appoġġ sakemm jinqata’ l-każ.
Iktar kmieni dan ix-xahar, dan l-istazzjon żvela li ż-żewġt itfal ittieħdu lura l-Ġermanja bil-moħbi minn żewġ soċial workers Ġermaniżi. Jidher li s-social workers kienu qed jaġixxu wara li fl-4 ta’ Lulju li għadda, Qorti Ġermaniża qatgħetha li t-tfal jistgħu jinġabu lura lejn il-Ġermanja.
Ftit tal-jiem qabel, iż-żewġ social workers Ġermaniżi talbu permess lill-Agenzija Appoġġ sabiex jieħdu lit-tfal, li kienu fostered ma’ familja, ġurnata baħar u minflok spiċċaw inħargu minn Malta. Bil-probabbilta’ kbira tkun li l-Ġermaniżi ħallew il-pajjiż mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan l-istazzjon kien żvela wkoll li kienu għaddew jumejn minn meta seħħ il-każ biex social workers mill-Aġenzija Appoġġ jgħarrfu lil omm is-subien, Sabrina Albrecht b’dak li ġara.
//= $special ?>

