Lokali

Sfida lill-Gvern biex jippublika l-abbozz dwar il-Kunsilli Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sfida lill-gvern biex jippublika l-abbozz ta’ ligi dwar il-Kunsilli Lokali biex il-poplu jkun jaf b’dak li qed jippjana li jaghmel. Dan waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad immexxi mill-Avukat Frank Psaila.

Simon Busuttil appella lill-Gvern biex ifittex kunsens mal-Oppożizzjoni u jiddiskuti l-pjani tiegħu li jipposponi b’ħames snin l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali qabel jieħu din id-deċiżjoni. Wissa’ li l-Oppożizzjoni żgur mhix se taqbel mat-tneħħija ta’ dritt bażiku bħalma hu l-vot għaliex dan jimmina d-demokrazija.

Simon Busuttil qal li f’demokrazija hemm prinċipji bażiċi, fosthom li elezzjoni ppjanata ma titħassarx, għaliex it-tbagħbis tal-elezzjonijiet hi azzjoni perikoluża filwaqt li fakkar kif il-vot hu dritt, u min iddejjaq mill-politika jista’ jagħżel li ma jivvutax.

Simon Busuttil kompla li l-Gvern se jkun daħaq biż-żgħażagħ li wegħdhom vot ta’ sittax-il sena u issa dawn se jispiccaw jivvutaw ta’ 21.

Hu tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni ta’ pajjiżna maċ-Ċina u qal li l-Oppożizzjoni ma ssib l-ebda diffikulta’ li pajjiżna jagħmel kummerċ ma’ dan il-pajjiż jew ma’ kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja, anzi dan iwassal għal iktar ġid ekonomiku.

“Imma meta jsir il-kummerċ wieħed irid iħares lejn it-tip ta’ kummerċ li jsir,” saħaq Simon Busuttil li semma’ kif pajjiżna se jipprivatizza entita’ bħall-Enemalta minkejja li l-Prim Ministru kien wiegħed lill-ħaddiema stess li dan mhux se jsir.

Simon Busuttil staqsa jekk hux għaqli li kumpanija bħal din tgħaddi f’idejn Gvern ta’ pajjiż ieħor u mingħajr mal-poplu għandu aċċess sħiħ għall-informazzjoni.

Madankollu qal li wieħed ma jistax iħalli lill-Prim Ministru jappunta lil mara ta’ Ministru li tiġi mpjegata minn flus il-poplu mingħajr mal-poplu jkun jaf kemm qed taqla’. “Agħar minn hekk,” fakkar Simon Busuttil, “il-Prim Ministru gideb fuq kemm hu l-pakkett finanzjarju ta’ Sai Mizzi. Il-kuntratt ippubblikat fl-aħħar jiem, wara ħafna pressjoni, juri dan.”

Simon Busuttil qal li mhix xi ħaġa normali li “Prim Ministru ta’ pajjiż jigdeb anzi hi xi ħaġa serja ħafna għal pajjiżna speċjalment meta wieħed iqis li Sai Mizzi hi mara ta’ Ministru.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti. Fakkar li l-Oppożizzjoni tixtieq li tiġi diskussa wkoll il-kwistjoni tal-finanzjament mill-gvern lill-partiti għaliex din torbot mal-finanzjament tal-partiti u allura għandha tiġi diskussa b’mod sħiħ.

Qal li l-Oppożizzjoni mhix tqajjem dan il-punt biex jitħallas id-dejn tal-Partit Nazzjonalista imma ghal ugwaljaniza għaliex mhux gust f’soċjeta’ demokratika li Gvern jaqbad propjeta’ pubblika u jgħaddiha lill-partit tiegħu bħalma ġara fil-każ tal-Australia Hall.