Lokali Qorti

Somalu jammetti li seraq mill-Knisja ta’ San Ġorġ Preca

Somalu ta’ 61 sena ġie kkundannat 20 xahar ħabs mill-Maġistrat Aaron Bugeja wara li nstab ħati li ħa parti f’serqa mill-kaxxa tad-donazzjonijiet li kien hemm esposta fil-Knisja ta’ San Ġorġ Preca, fi Blata l-Bajda.

Faid Said Hirsi nstab ħati li fis-26 ta’ Frar li għadda, għall-ħabta tal-4.45pm, flimkien ma’ persuni oħrajn wettaq serqa ta’ flus kontanti, u li kkommetta dan ir-reat fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża mogħtija mill-Maġistrat Anthony Vella fis-7 ta’ Frar li għadda.

Fuq Said Hirsi ma kienu nstabu l-ebda flus kontanti, iżda mill-cameras tas-sigurtà li hemm fejn il-librerija tal-Knisja, irriżulta li hu kien wieħed minn dawk involutu fis-serqa. Persuna oħra taħt l-età, ukoll Somala, u li fuqha kienu nstabu 400 ewro, kienet ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Mill-provi rriżulta li kienu ħames Somali li jgħixu fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, li kienu pparteċipaw fis-serqa, iżda tlieta minnhom baqgħu ma nqabdux.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella filwaqt li għas-Somalu deher l-Avukat tal-Għajuna Legali Martin Fenech.