Qorti

17-il sena ħabs għal żewġt irġiel li ammettew dwar traffikar ta’ droga

Duncan Scerri, ta’ 38 mis-Salina, u Walid Laouini, Tuneżin ta’ 35 sena residenti San Pawl il-Baħar, kienu kkundannati 15-il sena ħabs bejniethom mill-Imħallef Michael Mallia wara li ammettew minflok għaddew ġuri li aktar minn seba’ snin ilu kienu nvoluti fit-traffikar tad-droga.

Meta tressqu l-Qorti f’April 2007, Scerri u Laouini kien wieġbu mhux ħatja, bil-każ tagħhom aktar tard beda jinstema’ bil-magħluq fuq talba tad-Difiża. Il-Pulizija kienu qalu li kienu qabdu viċin 1kg droga kokaina propjetà taż-żewġt irġiel wara tfittxija li kienet saret fil-karozza li kienu qed jużaw fl-inħawi tal-grounds tal-Luxol, f’operazzjoni li kienet ilha għaddejja għal ġimgħat sħaħ min-naħa tal-Pulizija.

L-investigazzjoni f’dan il-każ kienet saret mill-Ispetturi Dennis Theuma u Nadia Lanzon. Duncan Scerri ġie kkundannat disa’ snin ħabs u mmultat €25,000, filwaqt li Walid Laouini mar tmien snin ħabs u mmultat €20,000. Fis-26 ta’ April 2007, għall-ħabta tas-6.30pm, Scerri u Laouini nqabdu mill-Pulizija. Hekk kif it-Tuneżin ra lill-Pulizija resqin lejh, hu pprova jaħrab minn fuq il-post iżda nqabad mal-ewwel.

Huma nstabu ħatja li dakinhar u fis-sitt xhur ta’ qabel, iddeċiedew li jassoċjaw ruħhom flimkien u ma’ persuni oħrajn fit-traffikar ta’ droga f’Malta, l-aktar fid-droga kokaina. Instabu ħatja wkoll li kellhom id-droga fil-pusses tagħhom u mhux għall-użu esklussiv tagħhom. Wara ħin josservaw karozza tat-tip Daewoo Matix, il-Pulizija rnexxielhom isolvu l-operazzjoni, li kienet waħda ta’ suċċess.

Dakinhar, fil-karozza kienu nstabu 96 kapsula bid-droga kokaina, li dak iż-żmien kienet iġġib prezz ta’ madwar €70,000 fis-suq lokali. Id-droga kellha purità ta’ 26.27%. Mill-investigazzjoni, irriżulta li t-Tuneżin kien jimporta d-droga f’Malta u l-Malti kien imexxieha u jgħaddiha lil terzi persuni f’diversi postijiet fil-gżejjer Maltin, fosthom fin-Naxxar.

Wara tfittxija mill-Pulizija fir-residenza tiegħu fi Triq il-Kappella tal-Lunzjata, kienet instabet id-droga, inkluż 45.133g ta’ droga eroina b’purita ta’ 37.3%, li fis-suq kienet iġġib il-prezz ta’ €2,076. Għand Scerri kienu nstabu wkoll 14-il żerriegħa tal-kannabis, li seba’ minnhom kienu diġà nibtu. Kienet saret ukoll tfittxija fl-appartament tat-Tuneżin, fi Triq it-Tamar, fejn instabet raża meħuda mill-pjanta kannabis u li l-piż tagħha kien ta’ 2.484g b’purità ta’ madwar 7.3%.