Ikompli jiżdied id-dizgwid bejn il-kunsilliera Laburisti fil-kunsilli lokali. Issa kien imiss il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista taż-Żejtun.
Lejn l-aħħar tal-laqgħa tal-Kunsill Lokali li saret il-ġimgħa li għaddiet, is-Sindku Laburista taż-Żejtun Joe Attard beda jiddiskuti t-tema taċ-child care centre fiż-Żejtun. Dan minekjja li din it-tema ma kenitx imniżżla fuq l-aġenda tal-laqgħa kif suppost isir. Hu qal li wasal iż-żmien li ċ-child care centre fiż-Żejtun tibda topera u sostna li se jkun hemm dħul ta’ 3,000 ewro minn din l-inizjattiva.
Waqt din is-seduta li xxandret fuq il-live streaming is-Sindku qgħad ifaħħar is-sistema taċ-child care centre, u f’ħin minnhom dar fuq il-kunsilliera u talabhom biex jivvutaw. F’dan il-mument iż-żewġ kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista bdew jistaqsu minn fejn ġab il-figura ta’ dħul ta’ 3,000 ewro. Huma sostnew li ma setgħux jivvutaw fuq xi ħaġa li lanqas kalkolu sew ta’ kif wasal għall-ammont ta’ 3,000 ewro ma ġie ppreżentat.
Iżda mhux biss, anke l-Viċi-Sindku taż-Żejtun Maria Dolores Abela bdiet tistaqsi dwar din iċ-ċifra u l-kalkoli nvoluti.
F’ħin minnhom, is-Sindku Joe Attard infexx jgħajjat ma’ Amanda Abela, kunsilliera tal-Partit Nazzjonaista u beda jgħid li l-fatt li l-gvern se jagħti 3 ewro għal kull tifel u tifla minflok 2 ewro bħal ma kien miftiehem qabel, wieħed għandu jifhem li ż-żgur li d-dħul se jkun sostanzjali.
Barra minn hekk, il-kunsilliera tal-Partit Laburista Stephania Fenech ipproponiet biex il-vot dwar din il-materja jittieħed ġimgħa wara, meta jkunu preżentati xi figuri. Iżda s-Sindku Laburista ma riedx u beda jakkuza liż-żewġ kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Amanda Abela u Raymond Caruana illi l-għan tagħhom jridu jtawlu l-proċess apposta. Fl-aħħar ittieħed il-vot u Amanda Abela flimkien mal-Viċi-Sindku Laburista astjenew filwaqt li Raymond Caruana ivvota kontra u sostna li mhux sew li suġġett importanti bħal dan ma tkunx imniżżla fuq l-aġenda.
Fuq Facebook, il-kunsilliera Laburista Stephania Fenech ikkritikat ittra anonima li ġiet ippubblikata fil-ġurnal l-Orizzont u li fiha l-awtur semma biss dak li qabillu dwar is-seduta tal-kunsill lokali u kellu aġenda moħbija. Fenech qalet li l-awtur jekk għandu jikkwota jmissu kkwota kollox.
Il-Kunsilliera laburista qalet li fl-artiklu ma ntqalx li hi pproponiet sabiex issir laqgħa ġimgħa wara fejn kulħadd ikun jista’ jiddiskuti b’mod kalm u trankwill.
Fuq kollox, Fenech tuża kliem iebes fil-konfront tat-tmexxija tal-kunsill u qalet li ‘deher ċar li fejn ma taqbilx fil-kunsill, id-demokrazija ssir gimmick.’
Hi staqsiet jekk din l-ittra nkitbitx biex toskura jew tħammeġ lil ħaddieħor. Hi temmet il-messaġġ tagħha fuq Facebook billi qalet li ħadd ma jagħmlilha sarima ma ħalqha jew jikkundizzjonalha l-opinjoni tagħha.
//= $special ?>