Editorjal

Editorjal: Soċjetà aperta

Soċjetà demokratika u libera – soċjetà aperta – għandha ħafna vantaġġi fuq soċjetajiet magħluqin. Vantaġġ importanti hu li soċjetà miftuħa hi kapaċi tikkoreġi lilha nnifisha.

Soċjetà li kapaċi tikkoreġi lilha nnifisha
Soċjetajiet demokratiċi jagħmlu dan għax faċli jibdlu lil min ikun fil-poter. Policies jitwarrbu, oħrajn differenti jiġu ppruvati, u jekk dawk ippruvati jkunu aħjar, dik is-soċjetà żżommhom; jekk le, terġa’ lura għal dak li kien aħjar qabel.

Anke l-partiti politiċi aperti
Huwa proċess kontinwu f’soċjetà aperta, anke fil-partiti politiċi tagħha għax fl-alternanza bejn il-poter u barra minnu, partit ukoll ikun jista’ jikkoreġi u javanza.

Bħalissa f’Malta, il-maqlub
Bħalissa f’Malta, imma, għaddej proċess daqsxejn stramb li jmur kontra dan l-akbar vantaġġ ta’ soċjetà aperta. Flok il-Gvern Laburista jirranġa dak li kkritika fil-passat, qed jiġġustika lilu nnifsu b’dak li skont hu sar ħażin qabel, biex jagħmel agħar.

Eżempji ta’ dak li semma Simon Busuttil
Din il-ħaġa tkellem fuqha sew il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fid-diskors importanti li għamel ġimgħa ilu fl-aġġornament tal-Parlament. B’diversi eżempji.

Ħatriet mix-xaqliba politika l-oħra
Fil-passat il-Labour ikkritika l-mod kif jinħatru l-Imħallfin, per eżempju, allavolja l-Gvern Nazzjonalista kien ħatar numru ta’ Mħallfin li ġejjin mix-xaqliba politika Laburista u ħatar diversi – mhux wieħed – Imħallfin li qabel kienu kandidati Laburisti.

Issa, ħatra ta’ Mħallef li qatt ma saret bħalha qabel
Issa, imma, il-Gvern Laburista, għamel ħatra li bħalha qatt ma kienet saret: attivist tal-partit tiegħu li mill-media partiġjana tiegħu jinħatar dritt Imħallef. Dan mhux ġudizzju fuqu imma fuq il-Gvern li għamel ħaġa li qatt ma kienet saret qabel.

Ambaxxaturi dritt mill-media Laburista u l-mara tal-Ministru
L-istess fuq il-ħatra ta’ ambaxxaturi. Għamel ħafna kritika fil-passat il-Labour u anke neħħa ambaxxatur b’vot fil-Parlament. Imma mhux talli l-Labour ma għamel xejn minn dak li wiegħed, mhux talli ħatar ambaxxaturi dritt ukoll mill-media tal-partit tiegħu, talli ħatar il-mara ta’ Ministru; ħaġa li wkoll qatt ma kienet saret qabel.

Anke kieku kellna nimmaġinaw li dak li qed isir kien issa sar qabel
Kif qal Simon Busuttil fil-Parlament, two wrongs don’t make a right. Anke kieku nimmaġinaw li dak li qed jagħmel il-Labour issa sar qabel, ukoll m’għandux jagħmlu, aħseb u ara jiġġustifika ruħu b’dak li kien ikkritika qabel biex jagħmel agħar.

Il-Labour qed jagħmel agħar u dak li qatt ma sar
Kif tista’ s-soċjetà tagħna tikkoreġi lilha nnifisha jekk min imexxiha jgħid, ‘għax l-oħrajn għamlu hekk’, biex jiġġustifika mhux li jagħmel aħjar, lanqas li jagħmel l-istess, anzi li jagħmel agħar, saħansitra dak li qatt ma sar.