Qorti

Eks xufier tal-Arriva kkundannat tliet snin ħabs dwar miżappropjazzjoni

Eks xufier tal-kumpanija Arriva, li għandu 36 sena u hu mix-Xgħajra, ġie kkundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Anthony Vella wara li nstab ħati li dawwar għalih is-somma ta’ €15,000 fi flus imħallsa minn passiġġieri tal-kumpanija Arriva wara li bagħbas fil-kompjuter tal-karozza tal-linja.

Ronald Gerada, li sena ilu kien tressaq mill-Ispettur Jonathan Ferris, instab ħati ta’ miżappropjazzjoni ta’ flus li tħallsu f’biljetti minn klijenti tal-Arriva. Mill-provi rriżulta li Gerada kien juża n-numru tal-PIN ta’ xufier ieħor li fuqu kienu jiġu rreġistrati l-bejgħ ta’ biljetti fil-vjaġġi li jsiru bit-trasport pubbliku.

Gerada nstab ħati wkoll li sar reċidiv wara li kien ingħata sentenza sospiża dwar każ ieħor u mill-provi rriżulta li l-flus li kienu jħallsu l-passiġġieri għad-destinazzjoni tagħhom kien jeħodhom hu. Wara li spiċċa mill-Arriva hu kien mar jaħdem fi scrapyard.

Għalih deher l-Avukat Joe Giglio, li appella mis-sentenza.