Dik li kellha tkun ħarġa ta’ divertiment f’night club fil-Perù wasslet għal qtil kiesaħ u biered f’nofs il-folla preżenti. L-istazzjon Peruvjan “SIN” irrapporta li l-każ seħħ wara li l-aggressur ħass li l-vittma kien qed jiżfen viċin wisq tat-tfajla tiegħu. Għaldaqstant, bil-kalma kollha, qabad arma tan-nar u spara lill-vittma f’nofs il-folla preżenti.
Fil-filmat, meħud minn cameras tas-sigurtà, l-aggressur jidher ukoll jgħaddi l-arma tan-nar lil ħabib tiegħu, li kien bilqiegħda ħdejh, b’dan tal-aħħar jaħbiha taħt il-qmis u joħroġ mill-post. Viżibilment maħsuda, il-persuni preżenti ppruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittma, iżda kollu għalxejn għax dan miet fil-post. Aktar tard, l-aggressur ukoll jidher ħiereġ mill-post, iżda dan l-istazzjon Peruvjan irrapporta li r-raġel ġie arrestat ftit wara. Hu mistenni jiġi akkużat bil-qtil.
//= $special ?>

