Qorti Unjoni Ewropea

Il-Gvern ordnat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jagħti kumpens lil eks ħaddiema tat-Tarzna

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet b’mod unanimu li l-Gvern Malti għandu jħallas kumpens lill-21 persuna li ssottomettew ħames applikazzjonijiet talli kienu esposti għal asbestos meta kienu mpjegati fuq bażi full-time mat-Tarzna ta’ Malta. Il-Qorti kienet ippreseduta minn seba’ Mħallfin, fosthom l-Imħallef Vincent de Gaetano.

Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li b’rabta mal-applikazzjoni minn membri tal-familja ta’ ħaddiem li miet b’kanċer minħabba li kien espost għal asbestos, kien hemm ksur ta’ Artiklu II tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jitratta d-dritt għall-ħajja. Il-Qorti spjegat li dan id-dritt jinkludi l-obbligu tal-Istat li jieħu passi biex jipproteġi l-ħajja tal-persuni li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tiegħu.

Il-Qorti Ewropea ordnat li l-Gvern jikkumpensa lil dawn il-qraba bis-somma ta’ €30,000 fi żmien tliet xhur. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li fil-konfront tal-bqija tal-ħaddiema kien hemm ksur tad-dritt protett minn Artiklu VIII tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jitratta r-rispett lejn il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja.

F’dan ir-rigward, il-Qorti ddeċidiet li fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni tagħha, il-Gvern Malti għandu jħallas €12,000 lill-ħaddiem li qed ibati minn problemi respiratorji u €9,000 lill-bqija tal-ħaddiema, li minn x-rays tal-pulmun kien jidher li kienu esposti għall-asbestos. Lill-ħaddiem li ma kellu l-ebda wieħed minn dawn it-traċċi, il-Qorti ordnat li jingħata l-kumpens ta’ €1,000 mill-Gvern.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat ukoll li l-Gvern iħallas is-somma ta’ €30,000 lill-applikanti għall-ispejjeż legali.