Qorti

“Il-Koħħu” jidentifika lil Pace li sparalu, iżda l-mottiv għadu mhux magħruf

Vince Muscat, ta’ 53 sena magħruf bħala “il-Koħħu” u li f’April li għadda spiċċa ferut bi tliet tiri f’għonqu u f’idu, identifika lil Jonathan Pace bħala l-persuna li sparatlu. Madankollu, il-Pulizija għad trid tistabilixxi l-mottiv tal-attentat ta’ qtil kif ukoll il-konnessjoni bejn iż-żewġt irġiel. Dan qalu l-Ispettur Keith Arnaud meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Jonathan Pace, ta’ 31 sena mill-Gudja, li qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Muscat. Pace, li kien imexxi l-ħanut “Tyson Butcher” fiż-Żejtun u li llum mgħadux jopera, qed jiġi mixli li spara sitt tiri b’pistola ta’ kalibru żgħir u li laqat lill-“Koħħu” bi tlieta minnhom.

L-attentat fuq ħajjet Muscat seħħ fit-8 ta’ April li għadda fi Triq Bordin fl-Imsida, meta ġew sparati tiri lejn Muscat waqt li kien dieħel fil-karozza tiegħu quddiem id-dar tiegħu. Muscat intlaqat f’għonqu u f’idu, iżda rnexxielu jsuq waħdu sal-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida. Hu qed jiġi mixli li wettaq ir-reat għall-ħabta tal-11.30pm bil-ħsieb li joqtol jew li jpoġġi l-ħajja ta’ Muscat f’periklku ċar, spara lejh tiri ta’ arma tan-nar, bid-delitt ma jiġix eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu.

Pace ġie mixli wkoll li fl-istess jum u bl-istess tiri, ikkaġuna feriti gravi u debulizza permanenti fis-saħħa jew il-funzjoni ta’ xi parti tal-ġisem ta’ Muscat, kif iċċertifikat mit-Tobba tal-Isptar Mater Dei. Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Arnaud qal li għall-ewwel Muscat beda jgħid li ma jafx min sparalu u li ra biss karozza sewda riesqa lejh, li fiha seta’ kien hemm persuna jew aktar. Qal ukoll li Muscat qallu wkoll li kien inutli jgħidlu min seta’ kien li sparalu għax ma jista’ jsir xejn. Madankollu, l-Ispettur Arnaud kompla jgħid li lejliet li Pace tressaq il-Qorti, Muscat mar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u identifika lill-akkużat bħala l-persuna li sparatlu.

L-Ispettur Arnaud qal li din l-ammissjoni kompliet saħħet is-suspetti tal-Pulizija f’Pace, li diġà kien ġie arrestat mill-Pulizija b’suspett għal dan l-attentat ta’ qtil. Qal li meta l-Pulizija ntraċċatt it-telefonati tal-vittma, fost it-telefonati kien hemm ukoll tal-akkużat. Tkellem ukoll dwar kif il-karozza tal-kiri wżata f’dan l-attentat ta’ qtil, tat-tip Peugoet sewda, dehret fuq filmat ta’ CCTV camera. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li l-karozza, li fost speċifikazzjonijiet oħajn kellha aerial nieqes, kienet mikrija lil Pace xi ġimgħat qabel seħħet l-isparatura.

Irriżulta wkoll li l-indirizz li ngħata lill-kerrej tal-karozza ma kienx korrett, filwaqt li l-Pulizija ma rnexxilhiex tagħmel kuntatt ma’ Pace bil-mobile sakemm sar taf b’numru ieħor. Jumejn wara li seħħ l-attentat ta’ qtil, din il-karozza Peugeot instabet abbandunata u maħruqa. Waqt il-kontro-eżami, li sar mill-Avukat Gianella de Marco, li qed tidher għal Pace, l-Ispettur Arnaud qal li anke l-vittma pprova jċempel lil Pace. L-Ispettur Arnaud kompla jgħid li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom ma stabilixxewx il-mottiv ta’ dan l-attentat ta’ qtil u lanqas il-konnessjoni bejn iż-żewġt irġiel.

Sadanittant minkejja li Muscat kellu jidher quddiem il-Qorti, hu reġa’ ma attendiex minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Il-Maġistat Carol Peralta insista li Muscat għandu jixhed u għandu jagħmel dan mid-dar, bil-każ ikun aġġornat għall-Erbgħa li ġej.

Jiddefendi l-akkużat flimkien mal-Avukat de Marco hemm ukoll l-Avukat Joe Giglio, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Kathleen Grima qed jirrappreżentaw l-interessi tal-vittma. Bħalissa, il-vittma jinsab bil-libertà provizorja dwar l-attentat ta’ hold-up li kien imlaqqam “Hold-up milljunarju” fl-aħħar ta’ Ġunju 2010 fiċ-Ċentru Rużar Briffa f’Ħal Qormi, li hu l-Kwartieri Ewlenin tal-bank HSBC. Muscat jinsab għaddej proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati flimkien ma’ persuni oħajn, mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ Pulizija waqt l-attentat ta’ hold-up li fih kienu ġew sparati madwar 30 tir.