Jekk ma tintlaħaqx soluzzjoni u r-riżultati tal-eżamijiet ma jkunux ippubblikati sal-31 ta’ Lulju, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) se jsejjaħ rally u se jieħu azzjoni “radikali”. Dan tħabbar mill-KSU stess fi stqarrija, hekk kif sensiela ta’ appelli lill-Gvern u anke lill-MUT u lill-UMASA biex l-istudenti ma jibqgħux jiżżeffnu fin-nofs fil-kwistjoni ta’ bejniethom, waqgħu fuq widnejn torox.
Il-KSU nieda wkoll petizzjoni online li ssejjaħ lill-Prim Ministru, lill-Ministri tal-Gvern u lill-unions biex jieqfu jkaxkru saqajhom u jużaw l-istudenti bħala ballun fil-kwistjoni tagħhom. Fi stqarrija aktar tard matul il-jum, il-KSU qal li fl-ewwel erba’ sigħat mit-tnedija tagħha, il-petizzjoni online ġabret 1,200 firma.
Iż-żewġ naħat ilhom għal dawn l-aħħar jiem fi kwistjoni industrijali dwar il-Ftehim Kollettiv tal-istaff akkademiku. Fost l-azzjonijiet ordnati hemm li l-Lecturers ma jippubblikawx ir-riżultati tal-eżamijiet. Il-kwistjoni hi dwar €8 miljun fuq it-tliet snin li ġejjin (żieda ta’ madwar 2.5%) fil-pakkett finanzjarju tagħhom, li hu fl-istess livell taż-żidiet li ngħataw fis-servizz pubbliku.
Dan qed iwassal biex il-KSU jirċievi diversi lmenti minn studenti li qed jitilfu opportunitajiet ta’ studju barra minn Malta, kif ukoll qed jonqos drastikament iż-żmien ta’ preparazzjoni f’każ li studenti jkollhom bżonn jagħmlu eżami mill-ġdid. Studenti fil-Fakultà tal-Health Sciences ma jistgħux jibdew it-teżi tagħhom minħabba li mhux qed tinħareġ l-approvazzjoni tal-Kumitat tar-Riċerka u l-Etika tal-Università.
Il-KSU qal li hu nsult lejn l-istudenti, li l-interessi tagħhom qed jiġu njorati b’dan il-mod. Il-KSU tenna mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jħares id-drittijiet tal-istudenti.
L-istudenti: dejjem vittma tal-Gvern Laburista – il-PN
Fi stqarrija separata, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif leġiżlatura wara l-oħra, l-istudenti dejjem jispiċċaw vittmi tal-Partit Laburista fil-Gvern.
Din id-darba, it-tmexxija ħażina ta’ Joseph Muscat u Evarist Bartolo qed twassal biex l-istudenti ma jirċievux ir-riżultati, bil-konsegwenza li dawk li ma jgħaddux se jkollhom ftit wisq żmien biex jistudjaw għar-resit. Oħrajn qed jirriskjaw li ma jkunux jistgħu japplikaw għal korsijiet barra minn Malta.
Il-PN qal li għalkemm Muscat irnexxielu jsib €100 miljun għall-Kabinett tiegħu, mhux lest isib €8 miljun għal-Lecturers fl-Università u l-Junior College, li huma l-aqwa għodda għat-tagħlim tal-istudenti. Tant hu hekk, li l-Gvern ma bagħat lil ħadd għal-laqgħa mal-UMASA u l-MUT biex jintlaħaq ftehim dwar din il-kwistjoni.
Fl-istqarrija, il-PN wera solidarjetà mal-istudenti kollha li għadhom qed jistennew ir-riżultati u ngħaqad magħhom f’appell biex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis possibli. Qabel l-elezzjoni, Muscat wiegħed liż-żgħażagħ biex ma jkunux spettaturi, iżda jkunu protagonisti. Madankollu, mingħajr marki, l-istudenti spettaturi biss jistgħu jibqgħu, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>