Fil-Libja, m’hemm ebda ħjiel li l-ġlied se jieqaf, hekk kif militanti Iżlamiċi qed ikomplu bl-offensiva tagħhom kontra dawk il-milizzji aktar liberali li jopponu l-preżenza tagħhom fil-Libja. Dan fl-isfond tal-aħbar li fl-4 ta’ Awwissu l-Kungress Nazzjonali Ġenerali, li mexxa l-Libja minn mindu tneħħa mill-poter Muammar Gaddafi, se jċedi l-poter lill-Parlament-elett.
Wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, il-forzi liberali marru tajjeb u l-preżenza tal-Iżlamisti se tkun anqas minn dik li kien hemm s’issa fil-Parlament Libjan. Madankollu, l-Parlament il-ġdid irid jibda jiltaqa’ f’Bengażi u ħafna minn dawk eletti huma kontra dan. L-akbar oppożizzjoni waslet wara li l-ġlied f’Bengażi hu agħar minn dak fi Tripli. Din il-ġimgħa biss, f’Bengażi nqatlu 45 persuna fil-ġlied.
Sadanittant, l-Ajruport ta’ Tripli kompla jkun iċ-ċentru tal-ġlied qalil li hemm, bil-barranin li għad fadal qed ikunu evakwati kif jistgħu minn pajjiżhom. Appelli mill-Gvern Libjan għal waqfien mill-ġlied s’issa waqgħu fuq widnejn torox. Il-ġimgħatejn ta’ ġlied madwar l-Ajruport fil-kapitali Libjana ħallew mill-anqas 50 persuna mejta u madwar 150 oħra midruba.
//= $special ?>

