Il-mewt ta’ 260 immigrant f’anqas mill-10 t’ijiem li għaddew fl-aktar ċirkostanzi tal-biża’ hi prova li l-kriżi fil-Mediterran qed tikber. Għalhekk, il-pajjiżi Ewropej iridu jieħdu azzjoni urġenti biex iwaqqfu din il-katastrofi u biex is-sitwazzjoni ma tmurx għall-agħar fit-tieni nofs tal-2014. Matul it-tieni nofs tas-sena, s’issa diġà mietu aktar minn 800 persuna fil-Mediterran meta kienu qed ifittxu l-kenn mill-inkwiet u mill-gwerer ċivili.
Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) Antonio Guterres qal dan b’referenza għat-traġedji umani li qed iseħħu fil-Mediterran. Hu faħħar lill-awtoritajiet Maltin u Taljani li, flimkien ma’ vapuri kummerċjali, fi tmiem il-ġimgħa li għadda salvaw madwar 8,000 immigrant. Appella lill-gvernijiet kollha biex isaħħu l-ħidma ta’ salvataġġ u jħaffu l-proċeduri ta’ ażil lil dawk li jeħtieġu l-protezzjoni.
Fi stqarrija, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti qal li dawk li salvaw irrappurtaw inċidenti li fih numru kbir ta’ nies għerqu, fgaw jew mietu b’daqqiet ta’ sikkina. Qal li din is-sena n-numru ta’ mwiet fil-baħar diġà tela’ għal 800, meta fl-2013 kien b’kollox 600 u fl-2012 500. Guterres qal li dawn it-traġedji juru l-kriżi li qed tikber fin-naħa ta’ isfel tal-Ewropa, hekk kif ħafna qed jaħarbu mill-Eritrea u s-Sirja, kif ukoll minn pajjiżi oħra mkissra mill-vjolenza u qed ifittxu kenn fl-Ewropa billi jissugraw hajjithom fuq il-bahar u f’idejn it-traffikanti tal-persuni.
Antonio Guterres qal li din iż-żieda fit-traġedji umani fl-aħħar ġimgħat wasslet biex saru talbiet għal miżuri urġenti mill-pajjiżi Ewropej ħalli jkun hemm pjan komprensiv biex ikunu evitati dawn it-traġedji. Il-UNHCR appellat lill-pajjiżi Ewropej biex jipprovdu faċilitajiet aħjar għall-persuni salvati u biex ikun hemm soluzzjonijiet dejjiema għar-refuġjati.
//= $special ?>