Lokali

Aġġornata: Il-PN jesprimi sodisfazzjon li l-gvern irreaġixxa għat-talba tiegħu għal inkjesta indipendenti

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern irreaġixxa għat-talba tiegħu biex issir inkjesta indipendenti dwar il-każ taż-żewġt itfal Ġermaniżi li nstabu Għawdex. Kif ħabbar il-Gvern, din l-inkjesta se titmexxa mill-Imħallef Philip Sciberras.

Din hija konferma kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija Oppożizzjoni li taħdem u tassigura li l-affarijiet isiru sew f’pajjiżna. F’ġieħ it-trasparenza u fl-interess tat-tfal, l-inkjesta għandha tkun waħda indipendenti u l-Imħallef Sciberras għandu jingħata l-informazzjoni kollha li tintalab itemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Aktar kmieni…
Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jordna b’mod immedjat biex tinfetaħ inkjesta indipendenti li tiddetermina l-fatti fil-każ tal-ħtif taż-żewġt itfal Ġermaniżi, li ddomina l-aħbarijiet lokali fl-aħħar jiem. S’issa, il-Ministru responsabbli mill-Aġenzija Appoġġ Michael Farrugia baqa’ jinsisti li din l-investigazzjoni ma ssirx. Madankollu, l-Partit Nazzjonalista jemmen li wara d-dikjarazzjoni tal-Qorti lbieraħ, il-Gvern għandu jiddetermina l-fatti kollha ta’ x’ġara mill-aktar fis possibli.

Fi stqarrija, il-PN qal li dan hu każ gravi ħafna u r-responsabbiltà għandha tinġarr bis-sħiħ. Il-Ministru Farrugia ma jistax jitfa’ dan il-każ taħt it-tapit. Sfortunatament, dan jista’ jkun ukoll riżultat tal-ħatriet politiċi li għamel u għadu qed jagħmel il-Gvern ta’ Joseph Muscat, qal il-PN. L-Aġenzija Appoġġ qatt ma tpoġġiet f’dell ikrah bħalma tpoġġiet mill-Qorti f’dan il-każ. Il-PN fakkar li fl-aħħar xhur, il-FSWS, li l-Aġenzija Appogg tifforma parti minnha, bdiet titmexxa minn politiku u mhux minn espert fil-qasam.

Il-PN qal li jemmen li l-interessi tat-tfal jiġu l-ewwel u qabel kollox f’dan il-każ, iżda evidentament ma seħħx dan. Għalhekk, għandha ssir l-investigazzjoni indipendenti minnufih biex tiġi stabbilita l-verità kollha, temmet tgħid l-istqarrija.