Għawdex Lokali Qorti

L-Aġenzija Appoġġ imċanfra mill-Qorti ta’ Għawdex għax tfal fil-kustodja tagħha tħarrbu lejn il-Ġermanja

L-Aġenzija Appoġġ kienet imċanfra mill-Qorti ta’ Għawdex wara li aktar kmieni dan ix-xahar, żewġt itfal Ġermaniżi tħarrbu minn Malta lejn il-Ġermanja minkejja li l-Qorti kienet fdat il-kustodja temporanja lill-Appoġġ sakemm il-każ kontra l-omm jinqata’. Fid-Digriet dwar każ relatat, il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri kellha kliem iebes fil-konfront tal-Appoġġ, li wriet li kienet anqas kapaċi tieħu ħsieb it-tfal milli ommijiethom.

Il-Qorti rrevokat l-ordni temporanju fuq tifla Ġermaniża li għadha Malta u ordnat lill-Appoġġ biex tirritorna t-tifla lil ommha Jutta Wiedekind. Il-Maġistrat ċanfret lill-Appoġġ għall-mod kif ħalliet tfal jinżammu minn terzi persuni mingħajr ebda superviżjoni, bir-riżultat li tħarrbu mill-pajjiż.

Il-każ beda f’Ġunju li għadda meta wiehed miż-żewġt it-tfal, Jeremias ta’ 4 snin, instab waħdu f’għalqa f’Marsalforn. L-għada, omm is-subien Sabrina Albrecht tressqet il-Qorti akkużata b’abbandun tat-tfal ta’ erba’ u sitt snin. Dakinhar, il-Qorti kienet ordnat li l-kustodja tat-tfal tgħaddi temporanjament għand l-Aġenzija Appoġġ sakemm jinqata’ l-każ.

Aktar kmieni dan ix-xahar, MaltaRightNow.com żvela li ż-żewġt itfal ittieħdu lura l-Ġermanja bil-moħbi minn żewġ social workers Ġermaniżi. Jidher li s-social workers kienu qed jaġixxu wara li fl-4 ta’ Lulju li għadda, Qorti Ġermaniża qatgħetha li t-tfal jistgħu jittieħdu lura lejn il-Ġermanja.

Ftit tal-jiem qabel, iż-żewġ social workers Ġermaniżi talbu permess lill-Aġenzija Appoġġ biex jieħdu lit-tfal, li kienu fostered ma’ familja, ġurnata baħar. Minflok huma spiċċaw inħarġu minn Malta. MaltaRightNow.com kien żvela wkoll li kienu għaddew jumejn minn meta seħħ il-każ biex social workers mill-Aġenzija Appoġġ għarrfu lil omm is-subien b’dak li ġara.