Lokali Saħħa

L-anzjanità hi grazzja li teħtieġ investiment aqwa – Simon Busuttil

Ħajja twila u b’saħħitha hi grazzja li l-bniedem dejjem xtaq u li qed jersaq dejjem aktar lejha bl-avvanz fil-mediċina. Din il-grazzja teħtieġ investiment aqwa biex l-anzjani, li dejjem qed jiżdiedu, igawdu ħajja mimlija snin u snin mimlijin ħajja. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt żjara lill-anzjana Loreta Curmi fid-dar tagħha fin-Nadur Għawdex, f’għeluq il-102 tagħha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-aħħar 10 snin f’Malta bdiet żieda sostanzjali fl-anzjani, huma u jilħqu l-età ta’ 60. Dawn kienu twieldu fil-“baby boom“, immedjatament wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Partit Nazzjonalista dejjem fehem l-importanza tal-anzjani fis-soċjetà tagħna, qal Simon Busuttil, u investa bil-kbir fil-pensjonijiet, fil-kura tal-anzjani u fl-inċentivi biex l-anzjani jagħtu l-aqwa kontribut lill-bqija tas-soċjetà.

Hu fisser kif ħarsa lejn statistika li ħarġet milux mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-benefiċċji soċjali turi li bejn l-2004 u l-2012, il-pensjonanti li jgawdu l-pensjoni taż-żewġ terzi kważi rduppjaw, minn 19,100 għal 36,800. Aktar minhekk, l-investiment tal-Gvern f’pensjoni taż-żewġ terzi aktar milli rdoppja, minn €132 miljun fl-2004 għal €291 miljun fl-2012. Dan hu investiment li Gvern Nazzjonalista għamel b’impenn kbir lejn l-anzjani biż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja, benefiċċji soċjali ġodda għall-anzjani ta’ ċerta età u kura aqwa tal-anzjani.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan l-investiment fl-anzjani jrid ikompli u jiżdied. Is-settur jikber tal-anzjani jibbenefika b’mod naturali mill-mediċini b’xejn u juża’ s-servizzi tas-saħħa ferm aktar minn setturi oħrajn tal-popolazzjoni. B’hekk, is-soċjetà tagħna trid taħseb mhux biss għas-servizzi tas-saħħa u l-kura tal-anzjani kif inhuma llum, iżda għal servizz ta’ kwalità aħjar għal numru akbar ta’ anzjani. F’dan, l-Oppożizzjoni qed tieħu inizjattivi tajbin biex tgħin lill-Gvern ifassal triq ‘il quddiem li tkun tixraq, b’ħajr kbir li s-soċjetà tagħna trid turi lill-anzjani tagħha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni awgura lil Loreta Curmi f’għeluq il-102 tagħha u rringrazzja lill-qraba li jieħdu ħsiebha, kif ukoll lil dawk kollha li jagħtu tant impenn fil-kura tal-anzjani kollha.