Guido de Marco kien persuna tad-drittijiet tal-bniedem u kellu passjoni għad-drittijiet tal-bniedem għax dawn huma l-bażi tad-demokrazija.
L-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello qal dan waqt id-diskors li għamel illejla waqt lejla ta’ tifkira f’ġieħ l-ex President ta’ Malta u ex Viċi Prim Ministru u Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Guido de Marco organizzata mill-Fondazzjoni AŻAD. Intwera wkoll dokumentarju dwar il-ħajja ta’ Guido de Marco.
Il-lejla ta’ tifkira saret fiċ-Ċentru AŻAD fil-Belt u l-kelliema prinċipali kienu il-Kummissarju Ewropew u ex Viċi Kap tal-PN, Tonio Borg u l-Imħallef Emeritu, Giovanni Bonello kif ukoll Mario de Marco.
Fost l-oħrajn attendew il-President Emeritu Eddie Fenech Adami, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-ex Prim Ministru u ex Kap tal-PN Lawrence Gonzi.
Preżenti wkoll is-Sinjura Violet de Marco, mart Guido de Marco u uliedhom, Mario, il-Viċi Kap tal-PN u Giannella u Fiorella u qraba oħra.
L-Imħallef Bonello tkellem dwar diversi każi legali li ħadem ma Guido de Marco fosthom dwar it-tbagħbis fil-votazzjoni f’San Vinċenz de Paul fl-elezzjoni tal-1976 u t-tfassil tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem biex issir parti mil-liġi ta’ Malta.
Il-Kummissarju Ewropew Tonio Borg tkellem dwar diversi aspetti tal-karriera legali u politika ta’ Guido de Marco u qal li hu kien oratur kbir u kien bniedem li kellu ħin għal kulħadd.
Fost l-aktar li kellu għal qalbu kienet l-Akkademja tal-Pulizija li waqqaf hu stess u anke l-politika tal-Mediterran u ħadem bla heda biex Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea.
Mario de Marco fakkar li missieru kien dejjem jitkellem dwar l-importanza tal-liberta u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Semma wkoll diversi każi legali li ddefenda fosthom il-ġuri ta’ Sandy Cachia Zammit, il-każ tal-Blue Sisters, il-frame-up ta’ Pietru Pawl Busuttil u każi oħra.
Il-President tal-AŻAD David Griscti qal li Guido de Marco kellu kuraġġ u determinazzjoni, kapaċita kbira u intelliġenza, dinjita u umanita`.
Guido de Marco twieled fit-22 ta’ Lulju 1931 u miet fl-10 ta’ Awwissu 2010, fl-għomor ta’ 79 sena.
//= $special ?>