Il-Fondazzjoni għal Ambjent Aħjar (FAA), bl-għajnuna ta’ diversi sponsors, qed tgħin fir-restawr ta’ erba’ pannelli tal-epoka Medjevali li jinsabu fil-Kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat. F’konferenza tal-aħbarijiet fir-refettorju tal-Kunvent stess, il-kordinatriċi u kelliema tal-FAA Astrid Vella fissret li dawn l-erba’ pannelli huma minnhom infushom opri imprezzabbli tal-arti.
Astrid Vella qalet li dan ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni jagħmel parti minn proġett akbar pastorali u kulturali għax hemm pjani biex il-parti ta’ isfel tal-Kunvent tkun miftuħa għall-apprezzament tal-pubbliku u t-turisti.
Min-naħa tagħha, Erica Falzon, li se tmexxi x-xogħol ta’ restawr, qalet li l-erba’ pannelli juru lill-Madonna b’Ġesù Bambin, Santa Katerina, Santu Wistin u San Pawl. Sostniet li dawn l-opri tal-arti fuq l-injam huma uniċi u estremimament rari. Falzon spjegat li r-restawr se jkun wieħed metikoluż. Spjegat kif fl-1934, ċertu Carmelo Bonello kien irrestawra n-naħa ta’ wara ta’ waħda mill-erba’ pannelli, iżda maż-żmien dan l-intervent għamel il-ħsara minflok il-ġid.
Erica Falzon żiedet li l-istudju xjentifiku se jkun qed jieħu kampjuni tal-injam biex ikunu stabbiliti l-awtur tal-opri tal-arti u f’liema seklu twettqu. Dan imbagħad iwassal, fost oħrajn, għal x’tip ta’ kolla ntużat u x’tip ta’ verniċ ġie applikat fuq il-pannelli.
L-istoriku tal-arti Martina Caruana fissret li f’Malta għandna ftit oġġetti tal-arti li jmorru għaż-żmien medjevali. Qalet li wieħed isib ġabra limitata ħafna ta’ arkivji u dokumenti dwar dawn ix-xogħolijiet artistiċi partikolari u għalhekk l-istess pannelli huma sors primarju. L-istorku tal-arti żiedet li dawn il-pannelli għandhom madwar 600 sena u l-proċess ta’ restawr ikopri, fost oħrajn, analiżi xjentifika li bilfors trid issir biex ikun magħruf x’tekniki ġew applikati fl-għamla tal-pitturi fuq il-pannelli tal-injam.
//= $special ?>