Kenneth Borg, ta’ 37 sena mir-Rabat, ġie kkundannat sitt snin ħabs fuq kompliċità ta’ serq ta’ ċurkett minn ħanut tad-deheb fil-Ħamrun kważi erba’ snin ilu. Borg instab ħati li kien kompliċi mat-tfajla tiegħu, li serqet iċ-ċurkett u għaddietu lilu, meta kienet qed tiġi kkonfrontata mis-sidien tal-ħanut. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset il-kondotta u s-sentenzi esebiti, li juru li Borg kien diġà ħabbat difru mal-Ġustizzja u jidher li ftit li xejn fehem li l-opportunitajiet li ngħataw mill-Qrati kienu għall-benefiċċju tiegħu u mhux biex jiġu abbużati.
Il-każ kien seħħ fl-4 ta’ Settembru 2010 meta jirriżulta li Miriam Caruana, it-tfajla ta’ Borg, kienet daħlet fil-ħanut “Patrick’s Jewellery” u ħarġet mill-ħanut biċ-ċurkett, li mbagħad għaddietu lil Kenneth. Fil-fehma tal-Maġistrat Ian Farrugia, Borg ipparteċipa bħala kompliċi għax għalkemm hu ma pparteċipax materjalment fis-serqa, għamel xi ħaġa biex għen lil Caruana fit-twettieq tas-serqa billi qagħad jistennieha barra, ħa fil-pussess tiegħu ċ-ċurkett misruq u saq il-karozza tagħha.
Fil-Qorti rriżulta li qabel seħħ dan kollu, Caruana u Borg kienu marru d-Detox. Hu dejjem innega li s-serqa kienet waħda ppjanata u qal li t-tfajla tiegħu qaltlu li kienet sejra tagħmel qadja. Kien għall-ħabta ta’ 12pm li t-tfajla ta’ Borg kienet daħlet fil-ħanut, li jinsab il-Ħamrun u hu propjetà tal-koppja Patrick u Rita Refalo. Mill-provi rriżulta li xi jiem qabel, Miriam Caruana kienet diġà daħlet fl-istess ħanut.
Meta fil-jum tas-serqa reġgħet daħlet, hi talbet biex tara ċurkett, kienet mogħtija wieħed u żammitu f’idha. Dak il-ħin Rita Refalo nfurmat lil żewġha li ċ-ċurkett kien f’idejn il-klijenta u fl-istess waqt Caruana staqsiet biex tara aktar ċrieket. Sidt il-ħanut fetħet is-safe u sakemm għamlet hekk Caruana bdiet tara ċrieket oħra. Ftit wara, Refalo talbitha biex tgħaddilha l-ewwel ċurkett li kienet tagħatha. Madankollu, Caruana bdiet tgħidilha li l-ewwel ċurkett kienet tagħatulha lura u bdew il-battibekki għax sidt il-ħanut bdiet tgħidilha li ma kienet tagħatha l-ebda ċurkett.
Wara xi battibekki, Patrick Refalo qal lil Miriam Caruana biex ma toħroġx mill-ħanut iżda Caruana bdiet tiela’ t-taraġ u tersaq lejn il-bieb ta’ barra. Bdiet tgħid li riedet tiltaqa’ ma’ ommha u dak il-ħin bdiet tuża l-mobile. Miriam Caruana ħarġet mill-ħanut u Rita Refalo baqgħet ħierġa magħha, filwaqt li bdiet tipprova tipperswadieha tieqaf matul il-ħin kollu. Huma kienu laħqu mxew mhux ħażin u meta Patrick Refalo resaq lejhom, reġgħu qabdu jimxu lejn il-ħanut.
F’mument minnhom, Rita Refalo rat lil Miriam Caruana tgħaddi xi ħaġa f’id persuna maskili li kien qed jistrieħ ma’ karozza, li mbagħad irriżulta li kien Kenneth Borg. Meta Rita Refalo kkonfrontatu u talbitu jiftaħ idejh, hu offendieha u beda jidgħi. Dak il-ħin, Refalo ħadet in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza u daħlet fil-ħanut. Immedjatament ċemplet l-Għassa tal-Pulizija, li min-naħa tagħhom marru fil-post u sabu lill-koppja Refalo u lil Miriam Caruana. Din ittieħdet l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun u minn hemm ċemplet lil Kenneth Borg biex titolbu jmur l-Għassa u jirritorna ċ-ċurkett. Min-naħa tiegħu, Borg għamel kif qaltlu Caruana.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Kenneth Borg kiser diversi ordnijiet tal-Qorti, meta s-sitt snin priġunerija jinkludu wkoll kusr ta’ sentenzi ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal tliet snin għal reati oħra ta’ serq, kif ukoll sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u 18-il xahar oħra sospiżi għal sentejn għal reati ta’ serq. Il-Qorti qalet li jidher ċar li Borg baqa’ jippersisti fil-ħajja refrattarja tiegħu, tant li waqt il-perjodu operattiv ta’ żewġ sentenzi sospiżi, waqt il-perjodu ta’ libertà kundizzjonata u wara li kien ingħata żewġ termini ta’ priġunerija effettiva, xorta wahda involva ruħu f’din is-serqa. It-tfajla tiegħu kienet ingħatat il-libertà bil-kundizzjoni quddiem Qorti oħra dwar dan il-każ.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Robert Vella u Ramon Mercieca.
//= $special ?>

