Hu stmat li ta’ kull xahar iżuru Malta madwar 2,000 turist mil-Litwanja u bħalissa f’Malta hawn madwar 300 student u studenta minn dan il-pajjiż li qed jistudjaw l-Ingliż. Il-komunità ta’ Litwani li jgħixu f’Malta b’mod permanenti tlaħħaq aktar minn 100, bil-maġġoranza tagħhom jgħixu fl-inħawi tal-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar.
Dan ħareġ waqt it-twaqqif tal-għaqda tal-Komunità Litwana f’Malta, li saret waqt ċerimonja fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra. Fl-attività ngħata tagħrif dwar ir-rabtiet bejn Malta u l-Litwanja. Iċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra serva bħala l-post li għaqqad lil-Litwani biex setgħet titwaqqaf din l-għaqda. L-iskop tat-twaqqif tal-għaqda tal-Komunità Litwana f’pajjiżna hu li huma jintegraw aktar u jkunu aktar attivi fis-soċjetà Maltija.
F’kummenti lil MaltaRightNow.com, il-Manager taċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra Martin Chetcuti qal li kien hemm grupp ta’ Litwani li jgħixu f’Malta li talbu l-għajnuna taċ-Ċentru biex iwaqqfu l-għaqda tal-Komunità Litwana f’pajjiżna. Għalhekk, iċ-Ċentru tahom l-appoġġ kollu biex issa twaqqfet din il-Komunità. Hu spjega li bis-sehem ta’ kulħadd, il-komunità li ngħixu fiha tista’ tkun aħjar.
Chetcuti spjega li ċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra joffri diversi servizzi, fosthom Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, iċ-Childcare Centre, Uffiċċju tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC), servizz tal-Awtorità tad-Djar u tal-Aġenzija Żgħażagħ, kif ukoll rappreżentanza tal-komunità Marokkina f’Malta biex tgħin nies ta’ nazzjonalità Għarbija jkollhom aċċess għas-servizzi eżistenti. Hu qal li permezz tad-Direttorat tal-Lifelong Learning, iċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra qed joffri firxa ta’ korsijiet f’suġġetti differenti, kemm għall-Maltin, kif ukoll għal residenti barranin fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta li għandhom aktar minn 16-il sena.
Dawn il-korsijiet qed dejjem jiżdiedu u qed tiżdied ukoll il-parteċipazzjoni fihom. Fl-ewwel sena saru seba’ korsijiet u fihom ipparteċipaw 55. Fit-tieni sena saru 14-il kors u pparteċipaw 178 persuna. F’Ottubru li ġej se jkunu organizzati madwar 30 kors differenti u dalwaqt joħorġu l-applikazzjonijiet għalihom. Martin Chatcuti qal li fiż-zona ta’ San Pawl il-Baħar joqgħodu bħala residenti permanenti nies minn aktar minn 100 pajjiż differenti.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Komunità Litwana f’Malta Thomas Mikalauskas qal li bejn Malta u l-Litwanja jsiru bejn żewġ u tliet titjiriet fil-ġimgħa u t-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qed dejjem jiżdied. Qal li għalkemm huma mbegħda minn xulxin ġeografikament, Malta u l-Litwanja għandhom affarijiet komuni, fosthom imgħoddi storiku tagħhom. Hu qal li bit-twaqqif tal-għaqda tal-Komunità Litwana f’Malta, il-Maltin isiru jafu aktar dwar il-Litwanja, filwaqt li l-Litwani jsiru jafu aħjar lil Malta.
Għall-inawgurazzjoni attenda wkoll il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia. Hu qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jwaqqaf il-proġett imsejjah “LEAP”, li se jibda joffri diversi servizzi fil-komunità lil dawk in-nies li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Dawn is-servizzi se jkunu kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin li jgħixu f’Malta, filwaqt li dawk li jmexxu l-komunitajiet barranin se jgħinu biex ikunu identifikati dawn in-nies biċ-Ċentri Aċċess ukoll se jkollhom sehem fl-inizjattiva.
//= $special ?>