Internazzjonali Lokali

Aġġornata: Il-Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern ilu jaf li fil-Libja hemm Malti maħtuf

Il-kwistjoni tal-Malti maħtuf fil-Libja ġiet diskussa b’urġenza fil-Parlament il-Ġimgħa filgħaxija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament qal li l-Oppożizzjoni se tappoġġja lill-Gvern u żied li din hi aħbar xokkanti għaliex din tikkonċerna persuna Maltija fil-Libja. Hu xokkanti li l-aħbar kienet moħbija s’issa u l-Oppożizzjoni ma kinitx informata.

Hu staqsa jekk il-Prim Ministru jistax jassisgrura li Galea għadu ħaj, għaliex il-Gvern ma tkellem xejn meta ilu jaf għal numru ta’ ġranet, għaliex il-Ministru Affarijiet Barranin qal li mal-każ qed jitkabbar meta kien hemm persuna maħtufa fil-libja, x’qed jagħmel il-Gvern biex Galea jinħeles, xi preżenza għandu l-Gvern fil-Libja biex jassisti u jekk l-Ambaxxata Maltija fil-Libja hiex evawkata jew jekk għadx hemm l-ambaxxatur. Hu staqsa jekk il-Gvern talabx l-għajnuna biex Galea jinħeles.

Min-naħa tiegħu il-Prim Ministru qal li se jaffronta l-istqarrija b’kawtela  minħabba li din sitwazzjoni delikata. Hu qal li l-Gvern kien informat il-Ħadd li l-persuna kienet inaħtfet. Fi ftit minuti bdew kuntatti permezz tal-pulizja u s-sevizz diplomatiku biex isir kuntatt mal-perusna jew mal-persuni li ħatfuha. Il-persuna hu martin Galea. L-ewwel prijorita tal-Gvern hi li Galea mhux f’periklu u b’saħħtu u żied li l-ħtif sar waqt rodblock.

Dwar il-kritka li l-aħbar ma ngħatatx pubbliċita’ kienet li l-aħjar parir għas-saħħa tal-prsuna hu li ma tingħatax informazzjoni. Il-Prim Ministru qal li għandu informazzjoni li Galea għadu ħaj iżda iktar ma jkunx hemm informazzjoni iktar tkun diffiċli li l-persuna tinħeles.
Joseph Muscat qal li l-Gvern se jaġixxi b’responsabbilta’ biex l-informazzjoni ma twassalx biex is-sitwazjzoni tkun preġudikata.

Dwar ir-raġuni għaliex ma seħħietx l-evakwazzjoni, il-Prim Ministru qal li hemm ftehim bejn il-pajjiżi tal-UE dwar il-Libja li meta sseħħ l-evakwazzjoni, din tkun tal-pajjiżi Ewropej kollha f’daqqa. S’issa dan il-ftheim għadu fis-seħħ, sostna l-Prim Ministrru, li kompla li kull min qed jitlob għajnuna qed jingħata din l-għajnuna.
Il-Gvern għandu wkoll l-informazjzoni kollha dwar il-persuni kollha li hemm fil-Libja u qal li l-informazzjoni hi li l-Maltin li hemm fil-Libja baqgħu hemm skont il-volonta’ tagħhom.

Aktar kmieni…

[headlines headline=”h3″ ]Aġġornata: Malti maħtuf fil-Libja ġimgħa ilu … l-ebda stqarrija mill-Gvern Malti  [/headlines]

14:42 Raġel Malti ta’ 39 sena jinsab maħtuf fil-Libja u qed jinżamm mill-milizzji ribelli fil-punent tal-Libja. Martin Galea (ritratt), li jaħdem bħala Inġinier mal-kumpanija tal-gass Nageco, inħataf hekk kif kien sejjer għax-xogħol fil-periferija tal-kapitali Libjana Tripli. Il-ħtif kien żvelat fl-aħħar sigħat, iżda l-każ seħħ l-Erbgħa tal-ġimgħa li ghaddiet.

Jidher li kemm il-Pulizija Maltija kif ukoll il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienu nfurmati b’dak li ġara. Madankollu, l-Gvern baqa’ ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dan u kellha tkun il-media li żvelat il-ħtif. Rapporti fuq il-mezzi tax-xandir jgħidu li kienet it-tfajla tiegħu li ndunat li hemm xi ħaġa ħażina meta baqgħetx tirċievi SMS ta’ kuljum mingħandu. Minkejja li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għamel diversi tentattivi permezz tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli biex jagħmel kuntatt ma’ Galea, dawn it-tentattivi ma ħallewx il-frott mixtieq.

Iżda fis-sigħat li Galea nħataf mill-milizzji Libjani l-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella ddikjara li għalkemm is-sitwazzjoni fil-Libja mhix sabiħa, s’issa mhix allarmanti. Vella kien saħaq li għalkemm hemm riskju, s’issa m’hemmx għalfejn issir l-evakwazzjoni tal-Maltin li jisabu fil-Libja. Il-Ministru Vella kien qal li jekk issir l-evakwazzjoni tal-Maltin mil-Libja, jista’ jinħoloq allarm u jkun hemm effett fuq pajjiżi oħra.

L-aħbar dwar il-ħtif ta’ Martin Galea poġġiet aktar urġenza fuq id-Dibattitu fil-Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex il-Parlament jiddiskuti b’urġenza l-qagħda fil-Libja. Din il-Mozzjoni se tkun diskussa llejla, fl-aħħar jum qabel ma l-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-Sajf.

Malti maħtuf fil-Libja fl-istess ħin li l-Gvern Malti baqa’ jinsisti li s-sitwazzjoni mhix gravi – il-PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu dwar din l-aħbar u qal li dan hu żvilupp serju ħafna, b’mod speċjali wara li l-Gvern Malti baqa’ jinsisti fl-aħħar jiem li s-sitwazzjoni fil-Libja mhix waħda gravi.

Il-PN fakkar li l-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Gerge Vella qal li m’hemmx bżonn jiġu evakwati Maltin mil-Libja. Fl-istess waqt, sirna nafu li wara li qal dan il-kliem il-Ministru Vella, Malti spiċċa maħtuf u għadu maħtuf sal-lum.

Il-PN qal li hu fatt magħruf li d-diskussjoni tal-lejla fil-Parlament se ssir biss grazzi għall-Mozzjoni fil-Parlament li tressqet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici. F’dan id-Dibattitu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil se jkun qed jitkellem fil-Parlament dwar din is-sitwazzjoni gravi ftit kilometri biss ‘il bogħod minn Malta.