Mahatma Gandhi kien jgħid li l-verità qatt ma tagħmel ħsara lil kawża ġusta. Il-verità tagħmel ħsara biss lil kawża ħażina; min jaħbi u jigdeb għax jaf li qed jagħmel ħażin. Fis-soċjetà li jixirqilna ngħixu fiha, il-Gvern suppost jgħid il-verità u ma jaħbi xejn. Speċjalment meta jistaqsuh fuq fejn u kif qed jonfoq flusna, il-flus li nħallsu f’taxxi.
Ħabi inaċċetabbli dwar il-flejjes li tal-qalba qed jaħtfu minn flusna
Għal sena sħiħa diġà, kellna l-kwistjoni dwar il-ħatra u l-ħlas lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Kien ċar għal kulħadd li l-Gvern ħeba. Ħaġa inaċċettabbli, għax kull ħatra politika għandu jingħad mill-ewwel li saret u kemm qed titħallas minn flusna.
Flok ħeba biss, il-Prim Ministru għamel agħar: gideb
Wara li din il-ħatra nkixfet mill-media indipendenti, u wara insistenza minn kulħadd biex il-ħlasijiet lis-Sinjura Mizzi jkunu ppubblikati, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu bilfors jippubblika. Imma flok mar niedem u onest, għamel agħar, għax gideb.
Mar ixejjer kuntratt li jgiddeb lilu stess u jikkonferma t-13,000 fix-xahar
Mar ixejjer kuntratt biex taparsi juri li s-Sinjura ta’ Konrad Mizzi kienet qed titħallas tant, meta l-kuntratt li kien qed ixejjer juri li f’paga pura qed tieħu d-doppju ta’ li qal Muscat, u b’kollox qed tieħu dak li qalet l-Oppożizzjoni mill-bidu, 13,000 fix-xahar.
Ħabi wkoll ta’ kuntratti li jbigħu ħwejjiġna u jorbtuna għat-tul
Mhux biss ħabi inaċċettabbli imma saħansitra agħar, gideb ċar u fil-wiċċ mill-Prim Ministru Muscat. U għandna wkoll il-ħabi – gravi wkoll – tal-kuntratt maċ-Ċina u ma’ konsorzju privat li bihom il-Prim Ministru Muscat qed ibigħ settur sħiħ strateġiku lil stat barrani u jorbotna għal snin twal b’kundizzjonijiet li jibqa’ jinsisti li jaħbihom.
Il-Gvern ma jridna nkunu nafu xejn fuqu…
Issa dan hu Gvern li jrid ikun jaf kollox fuqna. Dak hu li ried ifisser allura bit-trasparenza li ppriedka qabel tela’; it-trasparenza tagħna lejh; li jkun jaf kollox fuqna.
…imma jrid ikun jaf kollox fuqna
Għax għadu kemm ħareġ li f’Malta għandna rekord ta’ każijiet fejn l-awtoritajiet joqogħdu jissemmgħulna. U għandna Gvern li jrid ikun jaf id-dettalji personali tal-istudenti kollha sa mill-kinder. Imma aħna, għal dal-Gvern, m’għandniex dritt inkunu nafu kemm u kif qed ibigħ minn ħwejjiġna, u tal-qalba x’qed jaħtfu minn flusna.
Il-verità u l-informazzjoni huma d-dawl tas-soluzzjonijiet
Id-demokrazija trid tkun mibnija fuq soċjetà miftuħa li tgħid il-verità, mhux li taħbi apposta u tigdeb. Il-verità u l-informazzjoni huma d-dawl tad-dibattitu pubbliku li jwassal għal dak li hu aħjar, għas-soluzzjoni ta’ dak li niddiskutu b’mod ġenwin.
Prim Ministru li tant kibritlu rasu li jippretendi li naċċettaw dak li ma nafux x’inhu
Dan hu l-kontra ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista li qed jigdeb u jaħbi, kif għamel Joseph Muscat fil-wiċċ, u li tant kibritlu rasu li sar jippretendi li n-nies kollha jaċċettaw kollox, anke dak li ma jafux x’inhu, għax Muscat qed jaħbihulhom.